Edukazzjoni Lokali

Is-settur edukattiv qed jitħalla għal rajh għax il-Ministru qed tiffoka biss fuqha nnifisha – il-PN

Għax il-Ministru tal-Edukazzjoni qed tiffoka biss fuqha nnifisha, l-Edukaturi, l-Għalliema u l-Istudenti qed jitħallew għal rajhom, bl-isfidi li jiffaċċjaw regolarment dan is-settur qed jibqgħu mhux indirizzati.

Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, kif ukoll minn żewġ Kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Stefan Caruana u Julie Zahra.

Clyde Puli qal li quddiem ir-rapport tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li Justyne Caruana approvat impjieg ta’ 5,000 ewro fix-xahar lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic, pajjiżna għandu jara li jittieħdu l-passi meħtieġa, iżda wkoll li nimxu ‘l quddiem.

Kompla li l-Prim Ministru jrid iżomm f’moħħu li bid-deċiżjoni jekk ineħħihiex jew iżommhiex fil-kariga, ikun qed jaffettwa l-Edukazzjoni ta’ wliedna.

Fost l-oħrajn, hu staqsa jekk fil-Ministeru hemmx sinerġija fit-tmexxija dwar l-isfidi li qed iġġib magħha l-pandemija, kif ukoll kif beħsiebu jindirizza sfidi bħal tal-early school leaving, is-sigurtà fl-iskejjel u l-fatt li hemm studenti li għadhom mhux attrezzati almenu bil-bażiku tat-teknoloġija meħtieġa.

Dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, Clyde Puli fakkar kif, meta welled dan il-kunċett, il-Gvern Nazzjonalista kien tkellem mal-esperti u dan kollu wassal għal suċċess, tant li l-Privat qed jinvesti biex jiftaħ Skola oħra.

Illum, quddiem il-ħtieġa ta’ studju ta’ aġġornament, hemm bżonn li l-Gvern jitkellem mal-esperti f’tim serju ta’ persuni u mhux ma’ dilettanti. Dan hekk kif il-kuntratt li l-Ministru Justyne Caruana approvat neżża’ mid-dinjità tal-ħidma fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport mill-Edukaturi, l-Għalliema u l-Istudenti.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jara, fost l-oħrajn, li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jagħti pagi aħjar lill-ħaddiema fis-settur Edukattiv, jagħti appoġġ professjonali f’kull skola, filwaqt li jsegwi mudelli internazzjonali biex tinħoloq Strateġija Nazzjonali bis-sehem tal-istakeholders kollha.

Min-naħa tiegħu, Stefan Caruana qal li dak li ġara fis-settur Edukattiv taħt il-Gvern Laburista qed jimmina l-entużjażu u l-aspirazzjonijiet ta’ kull individwu. Dan hekk kif, wara r-Rapport tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, wieħed qed jistenna deċiżjonijiet f’waqthom.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li kull individwu jkun xprunat biex jirnexxi, ladarba dejjem emmen u ħadem biex l-Edukazzjoni tiftaħ il-bibien tal-opportunitajiet ħalli l-bniedem jaħseb, jiddeċiedi u jwettaq.

U Julie Zahra wkoll fakkret fl-investimenti li Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem għamlu f’dan is-settur biex ħadd ma jibqa’ lura.

Min-naħa l-oħra, taħt il-Gvern ta’ Robert Abela, hu ċar li s-settur qed jgħix fi kriżi, partikolarment bin-nuqqas fl-għadd ta’ għalliema, kif ukoll in-nuqqas ta’ ffukar meħtieġ fuq il-Kurrikulu Nazzjonali.

Dan fost rabja minn dawk li jħobbu s-settur meta qed jinnotaw li l-Prim Ministru qed jagħżel li jappoġġja lill-Ministru tiegħu minflok jaħdem għat-tisħiħ tal-Edukazzjoni f’pajjiżna.