Impenn għal aktar ħidma favur il-ġid komuni ddominaw l-attività ta’ skambju ta’ Awguri għall-Milied bejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom tal-President ta’ Malta, George Vella u s-Sinjura Vella mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat minn martu Anne Marie.
Din iż-żjara, fil-Palazz tal-President fil-Belt segwiet żjara oħra li din id-darba, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel ukoll lill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna li, kien akkumpanjat mill-Isqof Awziljarju Joe Galea-Curmi.
Hawn, Bernard Grech irringrazzja lill-Knisja f’pajjiżna għall-ħidma li twettaq bla waqfien, mhux biss mill-aspett pastorali, iżda wkoll għall-ġid tal-komunità. Hu kompla billi fakkar fl-importanza li kull individwu jirrispetta lill-oħrajn, tkun xi tkun iċ-ċirkostanza.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Knisja f’Malta qal li l-politika għandha tkun ta’ appoġġ għall-ħidma favur iż-żgħażagħ. B’referenza indiretta għal-Liġi li daħħal il-Gvern fl-aħħar jiem dwar l-Użu tal-Kannabis, hu appella biex jibqa’ jinżamm dejjem il-prinċipju li l-politika ma tagħmilx ħsara lill-ġenerazzjonijiet futuri, iżda li kull politiku jaħdem favur il-ġid komuni.
Matul dawn il-laqgħat spikka wkoll il-messaġġ favur l-għaqda nazzjonali biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu aktar magħqudin u jsibu aktar lil xulxin meta jkunu fil-bżonn … bħalma rajna fl-aħħar snin, matul il-pandemija.
Sadanittant, matul il-jum, l-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista – immexxija mill-Viċi Kap Robert Arrigo – kif ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar ukoll iltaqgħu mal-President ta’ Malta u mal-Arċisqof fi żjarat separati, fejn anke hawn iddominaw l-awguri għal aktar ħidma flimkien b’risq il-pajjiż kollu.