Internazzjonali

Covid-19: L-Ingilterra eqreb ta’ miżuri ġodda drastiċi

Is-Segretarju Ġenerali tas-Saħħa Britanniku. Savid Javid mhux qed jeskludi l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ restrizzjonijiet drastiċi għall-poplu fl-Ingilterra. Dan fid-dawl tal-firxa allarmanti tal-varjant ġdid tal-Covid, magħruf bħala Omicron, b’Javid jikkonferma li l-Ministri tal-Gvern qed isegwu l-aħħar data huma u jiddiskutu l-iżviluppi kontinwament max-xjenzati.

F’każ li jkunu proposti l-miżuri ġodda li, fost oħrajn, jillimitaw il-movimenti taċ-ċittadini, il-House of Commons ( Parlament) f’Londra mistenni li jiltaqa’ mill-ġdid b’urġenza biex japprova l-miżuri.

Il-kummenti tas-Segretarju għas-Saħħa ngħataw eżattament sena wara li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, kien impona r-restrizzjonijiet għall-poplu għal żmien il-Milied. Ir-restrizzjonijiet partikulari kienu affettwaw mat-18-il miljun persuna madwar Londra u fi bnadi oħra tal-Ingilterra, fi żmien meta l-pajjiż kien qed jiffaċċja l-firxa tal-varjant (tal-Covid) Alpha.

Sadanittant, Javid qal li l-fatturi attwali – fosthom  il-programmi tat-tilqim intensivi u l-mediċini tat-tip antiviral – ifissru li s-sitwazzjoni tal-Coronavirus hi differenti ferm minn ta’ sena ilu.

Fl-Ingilterra, ingħataw aktar minn 800,000 doża tal-booster lin-nies għat-tieni jum konsekuttiv u meta, issa, ‘il fuq minn 27 miljun persuna madwar ir-Renju Unit laħqu ħadu t-tielet tilqima (booster) kontra l-virus.

Intant, id-data għall-jum tas-Sibt ikkonfermat 125 mewta dovuti għall-Covid u li  seħħew fi żmien 28 jum ta’ test pożittiv.

Fl-istess ħin, l-Aġenzija Britannika inkarigata mis-Sigurtà tas-Saħħa qalet li fl-Ingilterra laħqu mietu seba’ persuni mill-effetti tal-Omicron – il-varjant ġdid li kien identifikat ġimgħat ilu fl-Afrika t’Isfel.

Fi żviluppi oħra, u skont leak ta’ noti mis-Scientific Advisory Group for Emergency (Sage) l-Ingilterra kapaċi tasal f’sitwazzjoni fejn sa 3,000 pazjent bil-Covid jibdew jiddaħħlu kuljum l-isptar, Dan f’każ li l-awtoritajiet ma jieħdux ħsieb intervent ieħor f’waqtu li jmur ‘il mill pjani ta’ emerġenza attwali fuq livell nazzjonali.

Savid Javid, waqt li rrefera għan-noti, qal li l-analiżi hi ferm inkwetanti u li l-Gvern qed jieħu b’serjetà kbira il-possibbiltà ‘li l-isptarijiet ma jlaħħqux mal-pazjenti’.

Il-miżuri attwali relatati mal-Pjan B għall-Ingilterra jinkludu l-introduzzjoni ta’ Covid passes għall-avvenimenti pubbliċi u biex in-nies jilbsu l-maskri dejjem fil-ħwienet u fuq it-trasport pubbliku – bil-Gvern iħeġġeġ ukoll biex in-nies jaħdmu mid-dar kulmeta jistgħu.

Pajjiżi oħra tar-Renju Unit għandhom regoli simili – bil-Gvern fl-Iskozja anki jitlob biex in-nies jillimitaw il-kuntatti soċjali għal ‘massimu’ ta’ tliet familji matul il-jiem qabel il-Milied.

Sadanittant, it-Tmexxija f’Wales ikkonfermat li n-nightclubs mhumiex se jiftħu mis-27 ta’ Diċembru – bil-miżura se tibqa’ valida għal żmien indefinittiv.