Internazzjonali

Covid — Il-Ġermanja wkoll iżżid ir-restrizzjonijiet għal min jivvjaġġa mir-Renju Unit

Il-Ġermanja hi l-aħħar pajjiż Ewropew li qed jipprojbixxi l-parti kbira tan-nies li ġejjin mir-Renju Unit, u bil-għan li tonqos il-firxa tal-Omicron

Intant, ir-residenti u kulmin għandu passaport Ġermaniż xorta se jkunu permessi li jidħlu fil-Ġermanja wara żmien fir-Renju Unit – madankollu huma se jkunu suġġetti għar-regoli fissi fl-interessi tas-saħħa. Kulmin jitqies ma’ din il-faxxa ta’ nies partikulari irid jikkonferma test negattiv minbarra li jqatta’ ġimgħatejn fi kwarantina – irrispettivament minn jekk hux vaċċinat jew le.

Il-miżuri daħlu fis-seħħ minn issa – u wara li Franza introduċiet kontrolli simili għan-nies li qed jivvjaġġaw mir-Renju Unit.

L-Istitut ta’ Robert-Koch – aġenzija tas-saħħa federali – ħabbret ir-regoli ġodda waqt li klassifikat ir-Renju Unit bħala ‘zona ta’ tħassib (relatat mal-varjant ġdid). Dan hu l-ogħla livell ta’ allert fir-rigward tal-Covid fil-Ġermanja – b’dan il-pajjiż iżid lid-Danimarka, Franza, in-Norveġja u l-Libanu mal-lista ta’ pajjiżi fil-kategorija ‘high risk’. Għaldaqstant il-Ġermanja, skont l-aħħar direttivi, għandha  tillimita l-ivvjaġġar mill-pajjiżi msemmija.