Internazzjonali

Covid — L-Olanda daħlet f’lockdown ‘inevitabbli’ għal żmien il-Milied

Hague Central Station,L-OLANDA

L-Olanda, fl-aħħar sigħat, daħlet uffiċjalment f’lockdown ieħor, bl-awtoritajiet tas-saħħa lokali qed jinsistu biex il-pajjiż, b’mod immedjat, jimpenja ruħu ‘b’aktar saħħa u intensità’ biex irażżan il-firxa tal-varjant Omicron.

Il-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte stqarr li dawn il-miżuri ma setgħux ikunu evitati, meta l-każi tal-Omicron (il-varjant ġdid tal-Covid) qed jiżdiedu b’mod inkwetanti madwar l-Ewropa.

Dan il-lockdown ifisser li l-ħwienet li mhumiex essenzjali, flimkien mal-ħwienet tax-xorb, il-gyms, u s-salons tax-xagħar u tas-sbuħija kollha jridu jagħlqu sal-14 ta’ Jannar. Id-direttiva tfisser ukoll l-għeluq immedjat ta’ postijiet li, is-soltu, jintużaw għal avvenimenti pubbliċi.

Il-miżuri huma parti minn programm ġdid ta’ emerġenza għall-Olandiżi fid-dawl tal-pandemija – u meta, fost oħrajn, se jkunu permessi biss żewġ mistednin f’kull dar matul il-vaganzi tal-Milied.

Il-Prim Ministru Rutte – filwaqt li ssimpatizza mal-poplu — qal li l-pajjiż ‘ma setax jaħrab mill-miżuri’ skont l-iżviluppi; bir-regoli ġodda għall-Olandiżi jkunu l-aktar stretti li tħabbru għal dan il-poplu mindu feġġ il-varjant tal-Omicron.