It-Tnejn 20 ta’ Diċembru huwa l-wieħed u sebgħin anniversarju mill-mewt ta’ Enrico Mizzi Prim Ministru u mexxej politiku Malti ewlieni tal-ewwel nofs tas-seklu l-ieħor. Nerik huwa bin Fortunato Mizzi statista Malti ieħor. It-tnejn li huma iġġieldu biex jeħilsu lil Malta mill-ħakma tal-Gvern Kolonjali Ingliż. Nerik Mizzi kien protagonist flimkien ma’ oħrajn biex Malta kisbet Kostituzzjoni tal-1921 li fdat it-tmexxija tal-pajjiż f’idejn il-Maltin permezz tal-ewwel Parlament u Gvern Malti. Minkejja li Nerik ġie internat fl-1940 u deportat lejn l-Uganda fl-1942 huwa qatt ma waqaf milli b’kuraġġ u rieda tal-azzar jibqa’ jiġġieled għad-drittijiet u d-dinjità tal-poplu Malti.
Nerik, kif kulħadd kien jafu, wettaq karriera twila fil-politika, u sar kap-konġunt tal-Partit Nazjonalista fl-1926. Hu ġie elett Prim Ministru f’Settembru ta’ l-1950 u miet fil-kariga tliet xhur wara. L- luf minn kull settur soċjali li ħonqu t-toroq tal-Belt biex isellmulu għal aħħar darba fil-funeral statali kienu xhieda ta’ l-istima nazzjonali li Nerik kien igawdi.
Delegazzjoni tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi, immexxija mill- Richard Muscat se tfakkar dan l-anniversarju bi tqegħid ta’ kuruna fuq il-monument ta’ Enrico Mizzi fi Pjazza San Ġwann, il-Belt Valletta, nhar it-Tnejn, 20 ta’ Dicembru fis-2.30pm Dawk li jixtiequ iffakru l-memorja ta’ dan id-difensur tad-drittijiet nazjonali ta’ Malta huma mistiedna jattendu. Ħbieb u avversarji dejjem għarfu l-kwalitajiet sbieħ ta’ Nerik Mizzi.
George Borg Olivier, suċċessur ta’ Nerik Mizzi, iddeskrivieh bħala ‘politiku konvint, determinat u kuraġġuż’, ta’ integrità mhux mittiefsa, li qiegħed fil-ġemb l-interessi personali u abbanduna l-professjoni tiegħu biex jgħaqdi l-interess nazzjonali.
Paul Boffa kien jirrispetta ‘l-onesta, l-integrità, s-sinċerità u t-tenaċità li’ Mizzi ‘kien juri għall-prinċipji tiegħu’. Boffa emfasizza li l-aġir ta’ Mizzi kien dejjem indirizzat lejn dak li kien iħoss li kien ikun ta’ ‘ġid lil Malta’.
Il-Professor R.V. Galea, kap tal-Partit Kostituzzjonali, saħaq dwar ‘l-integrità, u l-onestà, it-tjubija ta’ qalbu u s-sens ta’ dover’ ta’ Mizzi.
Dom Mintoff ukoll kellu kliem qawwi ta’ tifħir. Mizzi, iddikjara Mintoff, kien ‘ħalla lin-nazzjon kollu’, kif ukoll ‘lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin patrimonju sabiħ ħafna fis-sofferenzi li għadda minnhom f’ħajtu kollha għal dal li deherlu li kien għall-ġid tan-nazzjon’. Mintoff żied, ‘Aħna tal-Malta Labour Party nixtiequ li l-memorja tiegħu ’l quddiem ma titħammiġx imma nixtiequ li l-Maltin kollha jagħtuh dak li ħaqqu…li lilu, bħala Maltin, in-nazzjon kollu jagħtih rispett bil-fatti u mhux biss bil-kliem’.Mintoff sellimlu bħala l-bniedem li minkejja li għadda Qorti Marzjali, ġie deportat, ‘sofra l-insulti, sofra t-tradiment’, huwa qatt ma biddel l-opinjoni tiegħu, imma baqa’ ta’ karattru sod, baqa’ Malti, l-aqwa fost il-Maltin’.
//= $special ?>