Inkjesta Maġisterjali dwar l-allegati attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus fil-Bank Pilatus wasslet biex saret rakomandazzjoni li l-eks chairman tal-bank, Ali Sadr jaffaċċja akkużi quddiem il-qorti ta’ pajjiżna. Skont dak li ħareġ mill-inkjesta, Sadr huwa suspettat li ffaċilità jew għen lil xi klijenti tal-bank biex jittrasferixxu, jikkonvertu u jaħbu fondi li setgħu kienu ġejjin minn attivitajiet kriminali.
Fl-aħħar sigħat, il-gazzetta Times of Malta kkonfermat li Ali Sadr kien fost tmien persuni li l-maġistrat inkwirenti qies li kellhom jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-konklużjonijiet tal-inkjesta. Sorsi viċin l-investigazzjoni kkonfermaw mat-Times li l-maġistrat Ian Farrugia, f’Marzu li għadda, saħansitra ffirma mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront taċ-Chairman tal-Bank Pilatus. Ir-rakkomandazzjoni li Sadr jista’ jkun li kiser il-liġi saret minn ditta ta’ awdituri forensiċi fir-Renju Unit, li sabet tranżazzjonijiet suspettużi li saru mill-bank.
L-inkjesta, li swiet lill-Gvern €7.5 miljun minn flus il-poplu, ġiet konkluża u mgħoddija lill-Avukat tal-Istat f’Diċembru tal-2020. Għaddiet sena u ħadd ma jaf għalfejn il-pulizija għadhom ma arrestawx lil Ali Sadr. Minstoqsija dwar dan, il-pulizija ma taw ebda dettalji. U filwaqt li dwar Ali Sadr ma smajna xejn, f’Settembru, il-Bank Pilatus u l-uffiċjal tal-bank Claude-Anne Sant Fournier kienu akkużati b’allegati reati ta’ ħasil ta’ flus.
Apparti Sant Fournier, is-sorsi tat-Times semmew ukoll lil Antoniella Gauci, eks impjegata tal-bank li, flimkien ma’ Sadr, dehret f’filmati esklussivi ta’ Net News, ħierġa mill-Bank Pilatus f’Ta’ Xbiex fil-lejl li fih il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar rabtiet li setgħu eżistew bejn membri għolja fil-Gvern Laburista u l-Pilatus. Jidher li Gauci kienet interrogata mill-Pulizija iżda nħeleset mingħajr akkużi.
Filwaqt li Ali Sadr qatt ma kien arrestat mill-Pulizija ta’ Malta, hu kien arrestat fl-Istati Uniti f’Marzu 2018 fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. Hu kien kundannat talli kiser is-sanzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran iżda l-każ kollu spiċċa biex waqa’ wara li instabu nuqqasijiet fil-mod kif kienet żvelta l-evidenza mill-prosekuturi Amerikani.
//= $special ?>