Manchester City, iċ-Champions renjanti tal-Premier League, kisbu rebħa netta, 4-0 fuq Newcastle United u anki kabbru l-vantaġġ tagħhom (f’ras il-klassifika) fuq it-tieni tim, Liverpool, li kienu miżmuma 2-2 minn Tottenham f’The New White Hart Lane. Din kienet it-tmien rebħa konsekuttiva fil-league għas-Citizens, bil-Geordies ftit li xejn joffru reżistenza minkejja li kienu qed jilgħabu f’darhom, f’St James Park. Newcastle qed ikollhom staġun diżastruż minkejja li nxtraw mill-konsorzju Sawdi PCP Capital Partners u – fil-fatt — huma wittew it-triq għar-rebħa ta’ City wara biss ħames minuti. Dan meta d-difensur tal-Geordies Ciaran Clark ma rnexxilux jinnewtralizza l-cross ta’ Joao Cancelo – b’Ruben DIAS isib ruħu waħdu biex jiftaħ l-iskor bir-ras. Gowl numru tnejn għal Man City wasal fis-27 minuta meta CANCELO żgiċċa lil żewġ difensuri u spara xutt li ma jaħfirx minn tarf il-kaxxa – bil-gowlkiper Dubravka megħlub għal kollox. Newcastle, minn dak il-ħin, sfaxxaw, b’Riyad MAHREZ (63) jagħmilhom tlieta b’volley mill-isbaħ fuq suġġeriment ta’ Oleksandr Zinchenko. Intant, City baqgħu f’kontroll assolut u ma kenitx sorpriża li rnexxielhom jiskuraw ir-raba’ u l-aħħar gowl minn Raheem STERLING (86) li ma żbaljax mill-viċin wara xogħol tajjeb ta’ Gabriel Jesus. Għaldaqstant hu ċert li Man City se jkunu qed jokkupaw l-ewwel post tal-Premier League fi żmien il-Milied għat-tielet darba biss fl-istorja tagħhom. Fiż-żewġ okkażjonijiet l-oħra, is-Citizens kienu spiċċaw Champions tal-Ingilterra fl-istaġuni 2011-13 u 2017-18. Madankollu Newcastle qed jokkupaw id-19-il post fil-klassifika, fejn jinsabu tliet punti wara Watford (fis-sbatax-il post) u meta warajhom hemm biss Norwich City, li għandhom l-istess punteġġ bħall-Geordies (10) iżda differenza ta’ gowls inferjuri.
Intant, Chelsea – meqjusa fost l-isfidanti għal-league – komplew jinqatgħu minn Man City wara li spiċċaw fi dro, 0-0, ma’ Wolves f’Molineux. Il-logħba kellha element ta’ kontroversja wara li Chelsea – li kellhom numru ta’ plejers nieqsa minħabba ‘ każi interni tal-Covid’ — fallew fit-tentattiv biex jipposponuha. Il-manager tal-Blues, Thomas Tuchel, esprima rabja għad-deċiżjoni u meta Chelsea niżlu għal-logħba b’ erba’ plejers biss ( minbarra gowlkiper) fuq il-bank tar-riservi. Madankollu, it-tim mibdul ta’ Chelsea irnexxielu joħroġ b’punt mill-konfront, b’dan ikun it-tieni dro konsekuttiv għall-Blues. Wolves kienu xi ftit aħjar – b’Daniel Podence ikollu ‘gowl’ imħassar għal offside – iżda l-logħba ftit ipproduċiet ċansijiet fuq iż-żewġ lasti. Ir-riżultat, 0-0, ifisser li Chelsea, issa, jinsabu b’distakk ta’ sitt punti ma’ Man City u tliet punti ma’ Liverpool – bit-tliet tims jilgħabu 18-il logħba.
Liverpool u Tottenham Hotspur ħadu punt kull wieħed minn logħba kumbattuta f’Londra u fejn Spurs jistgħu jħossuhom sfortunati li ma ħarġux bit-tliet punti wara li sfruttaw numru kbir ta’ okkażjonijiet quddiem il-lasta ta’ Alisson Becker. Tottenham kisbu vantaġġ meritat minn Harry KANE (13) li sab ir-rokna tax-xibka fuq il-pass ta’ Ndombele, iżda minn dak il-ħin Spurs fallew numru ta’ okkażjonijiet biex jirduppjaw – bir-Reds jiksbu d-dro minn Dioto JOTA (35) li, bir-ras, sab ix-xibka fuq il-cross ta’ Robertson. Il-logħba baqgħet interessanti anki fit-tieni taqsima, b’Andy ROBERTSON (69) jixħet lil Liverpool fil-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob u b’SON HEUNG-MIN (74) jagħmilhom 2-2 meta skorja f’xibka vojta wara l-ħarġa ħażina ta’ Alisson. Tleit minuti wara ir-Reds spiċċaw b’għaxra meta tkeċċielhom Robertson għal daħla kerha fuq Emerson Royal – bir-referi Paul Tierney jurih il-ħamra wara konsultazzjoni mal-VAR.
//= $special ?>