Futbol Sport

Sanderra jgħaqqad il-mija ma’ Hibernians

Stefano Sanderra

L-id teknika wara s-suċċess ta’ Hibernians dan l-istaġun fil-Kampjonat Premier, hi tal-kowċ Taljan, Stefano Sanderra li dan l-istaġun hu r-raba’ wieħed tiegħu f’Malta. Sanderra għandu 54 sena, u mill-1997 sal-lum, mexxa diversi klabbs, kollha fl-Italja u fid-diviżjonijiet iż-żgħar, bl-aqwa suċċess li qatt kellu kien fl-istaġn 2012/13 meta kien kiseb promozzjoni għas-Serie B ma’ Latina Calcio. Dak in-nhar, fl-istess skwadra ta’ Sanderra kien hemm il-Malti, Andrei Agius.

Fl-istaġun 2018/19, Sanderra kien maħtur kowċ ta’ Hibernians f’Malta. Din kienet l-ewwel avventura tiegħu barra minn pajjiżu u ġimgħa llu, fil-partita kontra Gżira United, Sanderra ċċelebra l-100 logħba tiegħu, fi kwalunkwé kompetizzjoni li fihom mexxa lil Hibernians bħala kowċ.

Fl-isfond ta’ dan it-tragward ta’ mitt logħba bħala kowċ, u li matulhom Sanderra u Hibernians kellhom 64 rebħa, 21 telfa u 15-il dro, Replay ipproduċew servizz riċerkat u li jidħol f’dettal interessanti, dwar punti ta’ interess marbuta ma’ dawn l-ewwel mitt logħba ta’ Sanderra bħala kowċ tal-Paolisti. Dan is-servizz hu l-ewwel wieħed mis-serje l-ġdida u qed jippreżenta Replay u li se jibda jħejji minn żmien għal żmien, bl-isem ta’ ‘Replay Special’; servizzi li huma partikolari, maħduma u miktuba bi stil iżda ukoll produzzjoni li fihom Replay qed jiggarantixxu kwalitá għolja ta’ ġurnaliżmu u viżwal.

Agħfas hawn biex tara dan is-servizz dwar Stefano Sanderra, b’kitba u produzzjoni ta’ Christian Micallef.