Lokali Qorti

Taljan akkużat wara li rejd tal-Pulizija f’imħażen wassal għal sejbiet tad-droga

Resident minn San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li ġie mixli b’rabta mas-sejba ta’ 1.2kg kokaina u total ta’ 14kg kannabis f’diversi proprjetajiet. Sid ta’ Cafeteria Gennaro Russo ta’ 29 sena minn Napli tressaq il-Qorti mill-ispetturi tal-pulizija tal-iskwadra tad-droga Mark Anthony Mercieca u Justine Grech quddiem il-maġistrat Rachel Montebello waranofsinhar, akkużat li traffika kokaina u kannabis u li pussess aggravat tal-istess.

Russo kien akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus. Mercieca qal lill-Qorti li l-isem ta’ Russo, li għandu propjetajiet u negozji f’Malta, ħareġ waqt investigazzjonijiet dwar traffikar tad-droga. Il-Ħamis għall-ħabta ta’ nofs inhar il-Pulziija eżegwiet mandat maħruġ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li waqqfu il-vettura ta’ Russo hekk kif kien qed isuq fin-Naxxar.

Saret tfittxija fuq is-suspettat u l-karozza tiegħu, qal l-ispettur, li żied li nstabu qratas ta’ sustanzi illegali fuq il-persuna ta’ Russo u mill-karozza tiegħu ġew irkuprati €20,000 fi flus kontanti. Is-suspettat ġie infurmat li se jsiru aktar tfittxijiet fuq il-propjetajiet tiegħu

Huwa qal lill-pulizija li kellu garaxx u dar f’Buġibba. Il-Pulizija użaw iċ-ċwievet ta’ Russo biex daħlu fil-garaxx, fejn sabu madwar 1.2Kg ta’ kokaina ssiġillata f’kaxxa, flimkien ma’ madwar 2kg ħaxix tal-kannabis u 500g raża tal-kannabis. L-evidenza wriet li d-droga kienet qed tinqasam fi qratas iżgħar fil-garaxx sabiex tinbiegħ.

Instabu numru kbir ta’ boroż li kien fihom traċċi ta’ kannabis. €4000 oħra u ammont żgħir ta’ ħaxix tal-kannabis ġew irkuprati mid-dar ta’ Russo, qal l-ispettur, li żied li l-akkużat kien eżerċita d-dritt tiegħu għas-silenzju waqt l-interrogazzjoni.

Fis-16 ta’ Diċembru, il-pulizija skoprew garaxx ieħor fl-Imsida użat minn Russo. Russo ttieħed hemm u nfetaħ bl-użu taċ-ċwievet tiegħu. Instabu tliet boroż tax-xiri kbar, mimlija basktijiet iżgħar li kien fihom ħaxix suspettat tal-kannabis, li jiżnu madwar 9kg, flimkien ma’ 3kg oħra reżina tal-kannabis.

F’dan il-garaxx ma kien hemm xejn ħlief is-sustanzi, qal l-ispettur waqt li qal lill-Qorti li bħalissa l-pulizija kienu qed jaħdmu biex jintraċċaw is-sidien tal-garaxx. Russo reġa’ ma weġibx mistoqsijiet relatati mas-sejba, qal Mercieca. Il-Ġimgħa filgħodu nfetaħ garaxx ieħor fil-Qawra bl-użu taċ-ċwievet mill-keychain ta’ Russo u hemm ġew skoperti basktijiet li kien fihom traċċi suspettati ta’ kannabis flimkien ma’ bagalja mimlija €215,000 fi flus kontanti. F’kaxxa fil-garaxx instabu wkoll arma u munizzjon.

Is-sieħba ta’ Russo qed tiġi investigata wkoll, u l-pulizija kienet qed tiġbor aktar ċwievet minn diversi sorsi, żied jgħid l-ispettur. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qed tagħmel inkjesta maġisterjali dwar is-sejba. Wara li semgħet lill-ispettur jixhed, il-Maġistrat Rachel Montebello ddeċidiet li l-arrest kien validu.

Hija rrimarkat lill-akkużat li l-akkużi kellhom konsegwenzi serji, u qaltlu li għandu dritt jibqa’ sieket u li kull ħaġa li jgħid tista’ tintuża kontrih. L-avukati difensuri ta’ Russo irreġistraw oġġezzjoni għat-talba tal-prosekuzzjoni għall-ħruġ ta’ ordni li tiffriża l-assi tal-akkużat.

Il-Qorti iżda qalet li qed tilqa’ t-talba, u ordnat li l-assi tar-raġel jiġu ffriżati f’idejn terzi. Russo kien ipprojbit ukoll milli jiddisponi jew jittrasferixxi l-proprjetà tiegħu. L-imputat ippreżenta dikjarazzjoni ta’ mhux ħati. L-avukati difensuri Franco Debono, Marion Camilleri u Alex Scerri Herrera talbu l-libertà proviżorja għall-klijent tagħhom, bl-argument li l-provi kienu ġew ippreservati fl-inkjesta.

“Li ħafna ma jirrealizzawx hu li l-provi miġbura fl-inkjesta lanqas biss għandhom bżonn jiġu esebiti fil-kumpilazzjoni tal-provi, fil-fatt għandhom bżonn il-permess tal-qorti biex jagħmlu dan. Dan hu kemm jiswa l-valur probatorju tal-inkjesta,” qal Debono li żied li l-akkużat kellu rekord kriminali nadif u kien ilu jgħix Malta għal disa’ snin.

Barra minn hekk, kellu żewġt itfal mit-tfajla tiegħu Maltija u kellu rabtiet komunitarji qawwija mal-gżira, issottometta l-avukat. “Is-sieħba tiegħu għandha d-dritt li ma tixhedx, tista’ lanqas tkun xhud kompetenti minħabba kunflitt f’żewġ dispożizzjonijiet tal-liġi,” qal Debono filwaqt li rrimarka li anke li kieku kellha tiġi akkużata hi wkoll, xorta ma tkunx imġiegħla tixhed.

Il-qorti kellha l-għodda disponibbli biex itaffi l-biżgħat tal-prosekuzzjoni, qal. “Aħna nemmnu li l-qorti tista’ timponi kundizzjonijiet biex tinnewtralizza dawn il-biżgħat, u b’hekk tipproteġi d-drittijiet tal-akkużat u l-interessi tal-ġustizzja u toħloq bilanċ ideali.”

L-Ispettur Mercieca oġġezzjona minħabba l-gravità tar-reat u għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Huwa qal li x’aktarx li jinstabu aktar nies u proprjetajiet. “Il-biżgħat tagħna huma reali u f’dan l-istadju qed nitolbu li ma jinħelesx bil-libertà proviżorja, peress li meta ġie arrestat, diġà ltqajna ma’ diffikultà biex nippreservaw l-evidenza, iktar u iktar jekk jinħeles bil-libertà proviżorja taħt kwalunkwe kundizzjoni.”

Debono sostna li l-pulizija setgħet teħles lill-imputat fuq police bail qabel ma tressaq il-Qorti peress li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin, u ssuġġerixxi li kien tressaq akkużat qabel iż-żmien. L-investigazzjoni li għaddejja tista’ tispiċċa tipponta f’direzzjoni differenti minn dik li kienet f’dan l-istadju, qal.

L-Ispettur Mercieca rrisponda billi qal li l-avvenimenti fl-aħħar 48 siegħa ppuntaw lejn l-akkużat u l-isforzi biex tbagħbis l-evidenza kienu reati li għalihom kienu ġew arrestati wkoll persuni oħra. Il-Qorti laqgħet l-argumenti tal-prosekuzzjoni u ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, u qalet li kien hemm diversi riskji minħabba r-riskju ta’ tbagħbis tal-provi u wkoll fid-dawl ta’ aktar arresti. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għadhom qed jiġu skoperti postijiet ġodda marbuta mal-akkużat, qalet il-maġistrat, li żammet lil Russo taħt arrest.