Tasal konferma oħra li l-Prim Minsitru Robert Abela mhu se jieħu ebda azzjoni fil-konfront tal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana. Dan hekk kif Abela jrid li Caruana titlaq minn jedda – u ma jkunx hu li jkecciha.
Il-gazzetta ‘ILLUM’ tirraporta li minkejja d-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru li se jistenna l-eżitu kollu tad-diskussjoni fil-Kumitat tal-Istandards, hemm pressjoni minn diversi attivisiti Laburisti li jridu li Justyne Caruana twarrab immedjatament.
Iżda jidher li Robert Abela qed jibqa’ lura milli jkeċċi lil Justyne Caruana minħabba li ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali. U allura, ma jridx jurta lil diversi attivisit u votanti Għawdxin.
Robert Abela qed iżomm lura milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Justyne Caruana anke jekk il-Kummissarju Hyzler qal li hemm lok ta’ investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Ministru. Bil-Pulizija, fil-fatt, tikkonferma li qed tinvestiga.
Is-sieħeb ta’ Justyne Caruana kien tħallas €15,000 għal kuntratt ta’ tliet xhur … kuntratt biex iżur l-Iskejjel tal-Istat u jfassal rakkomandazzjonijiet ħalli jtejjeb l-isport f’dawn l-iskejjel.
Ir-rapport tal-Kummissarju Hyzler jgħid li saret ħidma biex tinħeba l-inkompetenza ta’ Bogdanovic u li x-xogħol li tħallas għalih sar minn wieħed mill-konsulenti ta’ Justyne Caruana, Paul Debattista, u mhux mis-sieheb tagħha.
U b’rabta ma’ din l-istorja, l-editur tat-Times of Malta jgħid li governanza tajba tirrikjedi azzjoni f’konformità mal-istandards li jmorru lil hinn mil-liġi… għalhekk, f’dan il-każ, Caruana għandha titneħħa minnufih mill-pożizzjoni tagħha ta’ Ministru tal-Edukazzjoni.
L-editorjal jgħid li quddiem dan kollu Robert Abela għandu jżomm f’moħħħu li huwa l-Prim Ministru ta’ pajjiżna u mhux membru tal-ġudikatura. Dan għaliex meta jkun f’sitwazzjoni li jrid jieħu azzjoni fil-konfront ta’ membru tal-Kabinett, għandu l-vizzju li jirreferi għas-salta tad-dritt u jieqaf hemm. Dan meta jaf li tezisti dik li tissejjah “responsabbilta politika”.
L-editur tat-Times jgħid li l-irwol tal-Prim Ministru mhux li jagħti ġudizzju dwar il-Ministri u d-Deputati tiegħu bħalma jsir f’awla tal-Qorti iżda għandu jaġħti ġudizzju fuq bażi ta’ standards morali u etiċi fejn finalment għandu jiddefendi l-instess pubbliku – għaliex f’dan il-każ kellek sparpaljar ta’ flus in-nies; eluf mit-taxxi tagħna.