Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, li hu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa, wissa li l-Gvern Laburista żbalja bil-kbir meta din il-ġimgħa, wara ħafna għaġġla, illegalizza favur l-użu tal-cannabis fil-Gżejjer Maltin u issa qed jiftaħar li pajjiżna hu l-ewwel pajjiż Ewropew li għamel ħaġa bħal din. “Dak li għamel il-Gvern Laburista kien biss li ttradixxa l-veri interessi ta’ saħħet in-nies.”
Stephen Spiteri qal li l-Gvern Laburista b’din il-legalizzazzzjoni mhux veru li fittex il-veru interessi taż-żgħażagħ Maltin sal-punt li anqas biss ta widen għas-sensiela twila ta’ għaqdiet mhux governattivi u oħrajn li jaħdmu fil-kamp tar-riabilitazzjoni mid-droga li kontinwament taw il-pariri tagħhom lill-Gvern biex ma jilleġiżlax favur l-introduzzjoni tal-cannabis qabel ma jagħmel aktar studji u riċkerki.
Stephen Spiteri, li l-professjoni tiegħu hi ta’ tabib, qal li mhix l-Oppożizzjoni biss li kienet kontra dan l-Abbozz ta’ Liġi għaliex hemm anki tobba Parlamentari Laburisti li fil-ġewwieni tagħhom ukoll kienu kontra d-dħul ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi. Imma mhux biss, kontra wkoll kienu għadd ta’ Parlamentari Laburisti oħrajn, fosthom dawk ta’ ċertu anzjanità, li wkoll ħassewhom għalkollox skomdi jivvutaw – imma hekk kienu mġiegħla li jagħmlu – favur il-legalizzazzjoni ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Il-Gvern Laburista tilef id-direzzjoni politika
“Għandna Gvern Laburista li biċ-ċar tilef id-direzzjoni politika tiegħu u ma jafx fejn hu sejjer. Għaliex trid tkun aktar minn arroganti u perikoluż li jkollok lill-poplu kważi kollu jokroblok kontra d-dħul ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, iżda int, għaliex tħossok li int bully u arroganti, tibqa’ tirrombla minn fuq kulħadd, u issa tesponi mill-ġdid għal aktar perikli mhux biss liż-żgħażagħ għaliex it-tentazzjoni tkun hemm, imma anki lil dawk li xi darba kienu messew mad-droga u kien irnexxielhom joħorġu mill-problema.
“Għaliex l-abbuż tad-droga għal problemi u l-gwaj biss twassa,l u dan lill-Gvern tennitulu kemm l-Oppożizzjoni, kif ukoll il-ħafna għaqdiet li jaħdmu fis-settur tant delikat tar-riabilitazzjoni tad-droga. Iżda għal xi raġuni Robert Abela u l-Gvern Laburista tiegħu komplew mexjin b’għamad kbir u issa lleġiżlaw favur l-użu tal-cannabis,” qal b’ton ta’ rabja d-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.
Hu fisser li b’din il-liġi ġdida issa l-Gvern Laburista jrid iwaqqaf dik li qed tissejjaħ bħala l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Cannabis li se tkun hi li se tkun qed tikkontrolla l-ispettru wiesa’ ta’ użu tal-cannabis f’pajjiżna.
Bla dubju ta’ xejn li din l-Awtorità mhux se jkollha kompitu faċli iżda dwar dan, għad irridu naraw aktar fil-futur. Li hu fiċ-ċert hu li issa għandna liġi li tippermetti l-użu tal-cannabis, li kemm fil-qasam mediku u anki mhux fil-qasam mediku hemm qbil li din taffettwa negattivament is-saħħa tal-individwu, tas-saħħa pubblika u anki tal-istess soċjetà.
Stephen Spiteri fisser li jekk ikollu jitkellem mill-aspett mediku bħala tabib fejn allura jipprattika l-mediċina, iżda wkoll bħala politiku, allura bilfors ikollu jibqa’ jtenni t-tħassib tiegħu dwar il-veru mottiv tal-Gvern Laburista li mbarka fuq din il-liġi li sa mill-bidu nett tagħha, u allura bħas-soltu, fittex li jaħbi u ma jagħtix l-istampa ċara tal-affarijiet kif inhuma.
Gvern Laburista ta’ ħafna ħabi u ħafna manuvri
Hu fakkar li meta xhur ilu l-Gvern Laburista ħareġ il-White Paper dwar l-introduzzjoni tal-kannabis, ma qal lil ħadd x’reazzjoni kellu, min ikkontribwixxa u min ikkontribwixxa x’esprima lill-Gvern. Il-Gvern fl-ebda mument sa issa ma kien trasparenti dwar dan, saħansitra sal-punt li anqas biss tkellem u spjega fejn irid jasal dwar din il-liġi, ta’ min kienet l-idea, u kif tfasslu l-proposti.
Li hu żgur hu li sa mit-tnedija ta’ dik il-White Paper, il-Gvern Laburista mill-ewwel irċieva ħafna kritika u tħassib għaliex meta dakinhar wieħed analizza dik il-White Paper sab ċerti affarijiet li jistgħu b’mod serju jaffettwaw is-saħħa tal-Maltin, is-saħħa pubblika u dik fis-soċjetà.
Stephen Spiteri kompla li mingħajr ma wieħed joqgħod idur mal-lewża, l-Abbozz ta’ Liġi li tressaq fil-Parlament u li l-Gvern approva, se jikkontribwixxi bil-kbir u jippromwovi għal normalizzazzjoni ta’ prattiċi li jistgħu jkunu perikolużi għas-saħħa u għall-użu ta’ sustanzi u ta’ droga, inkluż il-cannabis mingħajr ma wieħed joħloq l-ebda stigma partikolari. Dan għax wieħed jifhem li fis-soċjetà għandna min juża l-cannabis kemm għall-użu li jissejjaħ rikreazzjonali kif ukoll għall-użu mediku…però hemm baħar jaqsam bejn ħaġa u oħra.
Hu enfasizza li diġà spjega li l-mod kif il-Gvern Laburista ressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi hu totalment differenti mis-soltu. “Għandek two weights and two measures kif wieħed jikkonsma l-cannabis għall-użu mediku, u kif qed ikun propost biex tintuża modi differenti.”
Hu kompla li fid-diskussjoni fil-Parlament dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi l-Gvern Laburista bħal donnu li ried jagħti l-impressjoni li l-Oppożizzjoni trid li min juża l-cannabis b’ammonti personali u baxx, u jinqabad, jispiċċa jdabbar xi piena jew kastig.
Gvern Laburista li jqarraq sfaċċatament
Stephen Spiteri qal li dan kien argument ta’ ingann mill-Gvern Laburista għaliex “aħna konna vvotajna biex ikun hemm dekriminalizzazzjoni ta’ min ikollu dawn l-ammonti li mhuniex għat-traffikar imma għall-użu personali, u nħossu li għandna nkomplu nifhmu dan l-istadju f’dan il-qasam.
Amma ma nistgħux ninnegaw l-effetti negattivi jekk il-cannabis tkun ikkonsmata b’mod regolari, jekk inti ssir ivvizzjat bil-cannabis. “Ma ndurux mal-lewża lanqas hawn, għax il-kannabis tista’ tkun adictive għaliha. Tista’ toħloq effetti
negattivi fuq is-saħħa tal-persuna. Għandha sustanzi li jaffettwaw il-menti tal-individwu, mhux biss, imma effetti negattivi fuq il-fiżiku tal-persuna.
“L-użu tal-cannabis mhuwiex ta’ saħħa sana għall-persuna u għalhekk bħala tabib inħossni skomdu li nara din il-liġi u b’xi mod nippromwovi dak li hemm miktub fiha. Anzi, irrid inkun ta’ gwida għal min iħoss li jrid juża l-cannabis jew għal skop mediku jew inkella hija persuna li tużaha b’mod rekreazzjonali għax hemmhekk forsi nsejħu l-effett tal-high mill-cannabis, li tħossok ’il fuq però, xi drabi ma nitkellmux fuq il-low assoċjat mal-użu tal-istess pjanta.
“Hemmhek huwa l-inkwiet għax is-sustanzi psychoactive li fiha l-istess pjanta li hu t-THC, ċerta sustanza li tista’ toħloqlok il-paranojja, tista’ toħloqlok psikożi; tista’ twasslek għall-ideat ta’ suwiċidju. Ejja ma naħbux dawn l-affarijiet.”
Il-PN hu kontra kull stigma
Hu enfasizza li meta wieħed ikun qiegħed jitkellem dwar il-kriminalizzazzjoni u l-istigma, tajjeb li jkun stabbilit li l-Partit Nazzjonalista dawn l-affarijiet ma jaċċettahomx. “Aħna ma rridux stigma. Ma rridux li dawn ikunu kriminalizzati għax qed jużaw is-sustanza personali u b’ammonti baxxi.
Imma mbagħad ma rridx inkun laxk u s-soċjetà tagħna ntellgħuha b’tali mod li l-ġlieda tagħna li qed nagħmlu llum kontra t-tabakk u l-alkoħol għaxar snin oħra nkunu qed nagħmluha kontra dak li se ndaħħlu llum, li qegħdin hawn għal ftit u jiġġieled ħaddieħor għalih għax aħna mhux se nkunu hawn biex innaqqsu l-effetti negattivi fis-soċjetà tagħna.”
Hu kompla li “nafu li l-istess konsum tal-marijuana jista’ joħloqlok dik li ngħidulha ‘dissociation’ mir-realtà. Ma rridux inkunu responsabbli fil-post tax-xogħol? Din ma titteħidx fil-pubbliku imma tista’ tpejjep ċertu ammonti d-dar u toħroġ fil-pubbliku.
“Mela inti għax ma tpejjiphiex fil-pubbliku, l-effett tagħha mhux xorta waħda hemm qegħdin? Jekk tkun qed issuq u jkollok sewqan perikoluż? X’inhu l-effett ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi li se joħloq il-laxkar?
“Aħna kontra l-laxkar, mhux kontra ċerti affarijiet. Aħna reali, jien narahom fil-kliniċi tiegħi. Nara min juża b’mod responsabbli l-cannabis u jistaqsini meta nagħtih riċetta ta’ mediċina jekk dawn jagħmlux interazzoni mal-mediċini li nkun tajtu u nispjega. Però, ma nistax ma nispjegax l-effetti ħżiena, ‘harmful’ fuq is-saħħa tiegħu jekk qiegħed għandi,” enfasizza t-Tabib Stephen Spiteri.
Kien hawnhekk li Stephen Spiteri, wara l-vot tat-Tlieta li għadda, reġa’ dar fuq il-Membri Parlamentari Laburisti, b’mod partikulari fuq it-tobba fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista u staqsihom x’inhi tassew il-pożizzjoni tagħhom.
“X’inhi l-opinjoni tat-tobba tan-naħa tal-Gvern meta nafu li t-tipjip tal-cannabis għandu l-istess effett negattiv bħat-tipjip tas-sigaretti? Mela aħna nipprovaw niġġieldu bi stampi jwerwruk ta’ cancers li jġibu s-sigaretti, ilna nonfqu flus kbar fuq health promotion campaigns, nipprovaw ngħollu d-dazju fuq is-sigaretti ħalli naqtgħu qalb dawk li jpejpu, imbagħad in-naħa tal-Gvern Laburista introduċiet liġi fejn inkabbru l-pjanti fid-djar tagħna u npejpu forsi b’mod esaġerat li jista’ jwassal, pereżempju, għall-mard tal-pulmun, għall-asthma, għal chronic obstructive pulmonary disease, għall-infertilità, għall-problemi serji li t-tfal jiġu esposti minħabba dan it-tipjip, għall-inċidenti fil-post tax-xogħol.”
Ebda pożizzjoni mis-Supritendenza tas-Saħħa Pubblika
Hawnhekk Stephen Spiteri dar fuq is-Supritendenza tas-Saħħa Pubblika u staqsiha għaliex sa issa ma ħarġet bl-ebda pożizzjoni dwar il-legalizzazzjoni tal-cannabis. “Kif jista’ jkun li l-Gvern Laburista illeġiżla favur l-użu tal-cannabis meta anqas biss għandu l-opinjoni tas-Supritendent tas-Saħħa Pubblika fuq l-effett tal-marijuana fis-soċjetà tagħna?
“Mela fejn irridu nużaw l-esperti biex nagħmlu l-mina, il-pont minn Għawdex għal Malta, biex nagħmlu l-metro… u dan hu sew… iżda mbagħad f’suġġett daqstant delikat l-esperti ma jissemmew imkien!”
Stephen Spiteri temm irodd ħajr lill-għaqdiet kollha li b’xi mod jew ieħor jimmilitaw fil-qasam tar-riabilitazzjoni mid-droga, fosthom lil Caritas Malta, lil Sedqa, lill-OASI u lill-Fonazzjoni Richmond u qal li ħafna minn dawn il-persuni li jmorru għandhom għall-għajnuna jagħmlu dan biss għaliex tassew ikollhom bżonn l-għajnuna u għaliex ma jkunux jistgħu jagħmlu mod ieħor fil-ħajja tagħhom. Ikunu persuni li tkissru wara li forsi bdew jabbużaw mid-droga bil-ftit. Iżda mbagħad il-ftit ma baqax biżżejjed għalihom u minn droga żgħira mxew għal droga aktar qawwija.
“Aħna rridu naraw li jkollna soċjetà b’saħħitha u rridu li nipproteġu lis-soċjetà f’pajjiżna li tkun ’il bogħod mill-abbuż tas-sustanzi. Irridu ngħinu lil min juża din il-cannabis. Irridu ngħinu, kif diġà għamilna, bid-dekriminalizzazzjoni, billi nneħħu l-istigma, billi nevitaw u nħeġġu li ma jkunx hemm użu ta’ marijuana sintetika, ta’ cannabis istetika li qed tirvina ammont kbir ta’ żgħażagħ li dawn qed jispiċċaw Monte Carmeli għall-kura, qed jispiċċaw f’dik li nsejħulha d-Dual Diagnosis Unit (DDU).
“X’inhi din id-DDU? Tafu x’inhi? Hija l-unit fejn għandek pazjenti li qegħdin Monte Carmeli minħabba l-effett tad-droga għax l-effett tad-droga wassalhom għall-mard mentali – għal derangement fis-saħħa mentali. Taf x’inhi din il-ward? Din il-ward qed tegħreq bil-pazjenti, sa xfar, jiġifieri meta aħna qed nippromwovu aktar l-użu ta’ dawn is-sustanzi qed nissograw li lanqas ikollna post fejn nistgħu nittrattaw pazjenti li jintlaqtu ħażin mill-effett tad-drogi.”
//= $special ?>