Lokali

“Bidlu sufhom imma mhux għemilhom” – Repubblika

‘Tassew każ li bidlu sufhom iżda mhux għemilhom’… hekk saħaq Robert Aquilina, l-President tal-Għaqda Repubblika waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Huwa kompla jgħid li minkejja li fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali m’għadx hemm Peter Grech iżda hemm Victoria Buttigieg u minkejja li fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija m’għadx hemm Lawrence Cutajar iżda hemm Angelo Gafà, dawn l-istituzzjonijiet ma bidlu xejn fil-mod kif iġibu ruħhom.

L-aħħar każ li sirna nafu bih huwa dak tal-Bank Pilatus.

Wara inkjesta li swiet lill-poplu Malti u Għawdxi seba’ miljun ewro u nofs, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija għadhom ressqu biss persuna waħda l-Qorti.

Madanakollu lill-eks Chairman tal-Bank Ali Sadr għadhom ma ressquhx.

Huwa saħaq li fir-rapport tal-inkjesta, ħareġ fid-deher li l-Maġistrat kiteb li t-tmien membri tal-bord tal-Bank Pilatus għandhom jitressqu l-Qorti…bl-inkjesta issa ilha li waslet għand l-Avukat Ġenerali sena sħiħa u minn dawn għadu ma tressaq ħadd.

Aquilina sostna li l-Maġistrat saħansitra ffirma mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Ali Sadr. Madanakollu ħadd għadu ma jaf x’sar minnu dan il-mandat. Huwa saħaq li sfortunatament għal pajjiżna, dan mhux l-uniku każ li fih l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jonqsu milli jagħmlu xogħolhom.