Id-Deputat Parlamentari Laburista Ian Castaldi Paris ġie ordnat iħallas €300,000 f’taxxa mhux imħallsa u multi wara li saret investigazzjoni mit-Tax Compliance Unit li wriet li l-backbencher tal-Labour kellu mijiet ta’ eluf ta’ ewro ta’ dħul mhux dikjarat.
Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta li kkonferma li Castaldi Paris li wara diversi xhur ta’ investigazzjoni wara li sentejn ilu bank lokali ġebbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuqu.
Sorsi qrib l-investigazzjoni żvelaw li l-flejjes mhux dikkjarati tal-Membru Parlamentari Laburista kienu madwar miljun ewro, b’Castaldi Paris jiċħad meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jikkonfermax l-ammont.
Huwa insista li l-ammont kien inqas minn dak li ntqal madanakollu s-sorsi qrib il-ġurnal Times of Malta komplew jisħqu li l-flejjes kienu madwar €900,000 u miljun ewro.
Minkejja li saħansitra weħel il-multi fuq taxxa mhux imħallsa, Castaldi Paris kompla jinsisti u sa ċertu punt igiddeb is-sewwa magħruf li hu dejjem ħallas it-taxxi. Dan filwaqt li skont ma ddikkjara fil-Parlament, bħal ma huwa obbligat li jagħmel, Castaldi Paris għandu €18,200 fil-bank… ferm ‘il bogħod mis-somma ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro li sabu ma’ wiċċhom l-investigaturi tat-taxxa.
Huwa ddikkjara wkoll li għandu proprjeta f’Ħal Lija – mixtrija b’self mill-bank. Li ma semmiex fid-dikjarazzjoni tiegħu huwa li għandu tlett proprjetajiet oħra; f’Ħal Lija, Ħ’Attard u Santa Venera – permezz ta’ kumpanija lokali li hu s-sid tagħha flimkien mal-mara tiegħu. Huwa insista li ma ddikkjaraħhomx għax mhux f’ismu imma f’isem il-kumpanija tiegħu.
Ian Castaldi Paris spiċċa taħt l-attenzjoni medjatika lura f’Settembru meta ħarġu fil-pubbliku chats bejnu u bejn sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech. F’dawn il-messaġġi Castaldi Paris ftaħar li kellu proprjetajiet f’Londra.
Iżda sussegwentament, malli inkixfet il-qrubija tiegħu ma’ Fenech, huwa stqarr li dan kien kollu bluff bid-Deputat Laburista jisħaq li kien stupidu.
//= $special ?>