Lokali Qorti

‘Data’ mill-mobajl ta’ Keith Schembri jista’ jkollha konsegwenzi fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-avukati ta’ Yorgen Fenech esprimew “dubji serji” dwar x’wassal għall-appell fl-aħħar mumenti tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġimgħa li għaddiet biex jiċħadhom aċċess għal data minn telefon użat mill-eks chief of staff Keith Schembri. L-aħbar dwar l-appell ħarġet għall-ewwel darba waqt seduta animata l-Ħamis wara nofsinhar meta kompla l-każ kostituzzjonali mressaq minn Fenech biex is-Supretendent tal-investigatur ewlieni Keith Arnaud tkeċċa mill-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-avukati ta’ Fenech u l-kummissarju tal-pulizija, assistiti mill-Avukat tal-Istat, ilhom f’kunflitt minn meta ġie żvelat li l-pulizija kellha aċċess għal data estratta minn mowbajl tal-eks chief of staff tal-OPM. Għalkemm mhux l-istess apparat li mar offline ftit qabel ma Schembri ġie arrestat tard fl-2019 b’rabta mal-qtil tal-ġurnalist u li aktar tard Schembri sostna li tilef, Fenech qed jinsisti li d-data li bħalissa tinsab f’idejn il-pulizija hija “essenzjali” għall-każ tiegħu.

Min-naħa l-oħra, il-pulizija sostniet li t-telefon inkwistjoni mhuwiex rilevanti għall-każ ta’ Fenech u barra minn hekk huwa kunfidenzjali peress li jifforma parti minn inkjesta maġisterjali li għaddejja. Fid-19 ta’ Novembru l-Imħallef Lawrence Mintoff iddeċieda favur it-talba ta’ Fenech, u ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jipproduċi d-data kollha estratta fis-seduta li jmiss.