Lokali Qorti

Ħames immigranti kundannati 84 xahar ħabs fuq ir-rewwixta tas-sena l-oħra

Ħames immigranti ġew ikkundannati 84 xahar ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li ħadu sehem f’rewwixta fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi. Ir-rewwixta seħħet fit-18 ta’ Settembru 2020 fejn b’kollox kienu seba’ l-immigranti li tressqu fil-Qorti u li nstabu ħatja li kkaġunaw ħsara fl-imsemmi ċentru u li ħarbu minnu. Żewġ minorenni ma nstabux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. F’dan l-inċident kienu weġġgħu numru ta’ Pulizija u b’kollox tressqu fil-Qorti, grupp grupp, li jikkonsistu f’27 immigrant.

Il-ħatja huma Ali Abdul Razak, Sudaniż ta’ 23 sena; Abrihema Giymay Mengisteab, Eritrejan ta’ 22 sena; Abdulrahman Abdulla Hamja, Somalu ta’ 20 sena, Giddu Mahiok, Sudaniż ta’ 20 sena; u Abraham Hinstab, Eritrejan ta’ 37 sena. Il-minuri li ġarġu lliberati kienu wieħed mill-Kamerun ta’ 17-il sena u l-ieħor mill-Eritrea ta’ 15-il sena.

Razak u Mengisteab waħedhom instabu ħatja wkoll li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija u feriti ħfief fuq żewġ Kuntistabbli oħra. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia semgħet kif dakinhar tar-rewwixta numru ta’ immigranti ħaffru toqba fil-ħajt ta’ dormitorju billi mbuttaw ‘il barra parti mill-ħajt taħt tieqa u bdew jaħarbu wieħed wieħed.

Numru ta’ uffiċjali stazzjonati fiċ-ċentru, megħjuna minn pulizja mill-RIU, ippruvaw iżommuhom fejn anke ntuża l-pepper spray u ġew sparati wkoll balal tal-lastiku. Numru ta’ mmigranti bdew igaraw oġġetti, inkluż ġebel tal-knatan li qalgħu, waqt li oħrajn kellhom biċċiet tal-ħadid li bdew ixejruhom jew jagħtu bihom. Kienu qwkoll ħarqu wkoll numru ta’ saqqijiet.

Wara li semgħet u rat il-provi l-Qorti sabet ħames immigranti ħatja u lliberat liż-żewġ minuri. Hija kkundannat lil Razak għal 30 xahar ħabs, lil Mengisteab għal 18-il xahar u lil Hamja, Hinstab u Mahiok għal 12-il xahar ħabs kull wieħed. Mengisteab kien ikkundannat ukoll multa ta’ €4,000 tas-sehem tiegħu fir-rewwixta. l-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti.