Lokali

Id-Deputat Laburista Silvio Grixti jirreżenja mill-Parlament – interrogat mill-Pulizija

Il-Membru Parlamentari tal-Labour Silvio Grixti rreżenja b’effett immedjat mill-Parlament wara li kien interrogat mill-Pulizija.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta Malta Today fejn intqal li l-backbencher Laburista ingħata l-police bail.

Dan filwaqt li l-ġurnal Times of Malta minn naħa l-oħra żvela li riċentament Grixti, li huwa wkoll tabib, kien ġie interrogat mill-Pulizija mill-Iskwadra kontra r-Reati Finanzjarji hekk kif sorsi spjegaw li allegatament qed jiġi investigat fuq iffalsifikar ta’ dokumenti.

Huwa qed jiġi rappreżentat mill-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono fejn dawn tal-aħħar saħqu li f’dan l-istadju Grixti ma jixtieqx jgħaddi kummenti.

Sorsi qrib il-Gvern spjegaw li Grixti preżenta r-riżenja tiegħu aktar kmieni illum. Huwa ġie elett għall-ewwel darba f’isem il-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 fuq it-tielet distrett.