Lokali Qorti

Il-Qorti twarrab talba tal-qattiel ta’ Alfie Rizzo dwar arrest illegali

Il-Qorti warrbet allegazzjoni ta’ arrest illegali ppreżentata minn priġunier tal-ħabs, li qed jiskonta sentenza ta’ 25 sena għall-qtil tal-hairdresser Alfie Rizzo fl-1998. Rizzo miet wara li qala’ 17-il sikkina minn Aimen Said Giali El Baden, ċittadin Libjan, fil-hair salon tiegħu stess f’Tas-Sliema fl-4 ta’ Frar, 1998.

El Baden kien instab ħati ta’ qtil minn ġurija iżda meħlus sentenza ta’ għomru minħabba l-fatt li kien kellu 17-il sena fil-ħin tal-qtil. Fir-rikors tiegħu lill-Qorti tal-Maġistrati, Aimen Said Giali El Baden kien allega li kellu jinħeles mill-ħabs fil-5 ta’ Novembru ta’ din is-sena.

L-Avukat Mario Mifsud, li deher f’isem l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi kien sostna li l-aħħar rikors ta’ El Baden kienet kopja eżatta ta’ rikors ieħor li kien ippreżenta fl-10 ta’ Novembru, li kienet ġiet miċħuda mill-Maġistrat Josette Demicoli.

Il-kundannat, li l-piena karċerarja tiegħu tintemm f’Awwissu li ġej, kien ħarab mill-kustodja preventiva u sussegwentement kien ġie arrestat mill-ġdid. Fir-rikors preċedenti tiegħu, El Baden talab lill-qorti tordna li l-ħin li kien qatta’ taħt arrest jitnaqqas mis-sentenza tiegħu.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo osservat li d-dokument tal-Qorti kien kopja identika, kelma b’kelma, ta’ dak li qabel kien ippreżenta mingħajr suċċess quddiem il-Maġistrat Demicoli. “Ma hemm assolutament l-ebda bidla fiha, mhux fil-liġi li qed tikkwota r-rikorrent u lanqas fil-mertu tagħha,” innotat l-maġistrat.

“Mhijiex il-funzjoni ta’ din il-Qorti li tirrevedi deċiżjonijiet mogħtija mill-istess qorti fuq l-istess merti, fatti u dispożizzjonijiet legali. Hawnhekk il-qorti taqbel għal kollox ma’ dak iddikjarat mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi li dan ir-rikors kien maħsub biss biex jaħli l-ħin tal-qorti u jippermetti lir-rikorrent jittanta xortih permezz ta’ forum shopping, bit-tama li jieħu deċiżjoni favorevoli quddiem Maġistrat differenti, ” qalet il-qorti, fejn iddikjarat ir-rikors tar-raġel bħala bla effett u ċaħdu kollu kemm hu.