L-estensjoni tal-wage supplement li ħabbar il-Gvern ta’ Robert Abela, jiġifieri li jkompli jagħti daqqa t’id finanzjarju fil-pagi sal-aħħar ta’ Jannar tal-2022….mhux biżżejjed sabiex jiġu salvagwardjati numru ta’ skejjel tal-Inliż.
Dan tħabbar mill-FELTOM, il-Federazzjoni tal-Iskejjel tal-Ingliż f’Malta, fejn insistiet li idealment jekk ma rridux li jagħlqu aktar skejjel kawża tal-impatt ekonomiku li qed tkompli tħalli din il-pandemija, il-wage supplement jiġi estiż sar-Rebbiegħa.
FELTOM sostniet li l-impatt finanzjarju diżastruż li ħalliet fuq dawn l-iskejjel id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Labour li jagħlaqhom ħabta u sabta b’mod mill-aktar impulsiv fis-sajf…kien wieħed sever u dan jixħduh iċ-ċifri kollha.
Il-Federazzjoni kompliet tgħid li l-estensjoni tal-Covid Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar, il-Gvern offra biss tama ta’ ħajja qasira ħafna għal din l-industrija filwaqt li saħqet li ħafna mill-membri tagħha qed jaħsbu biex jagħlqu l-bibien.
Lura f’Lulju l-iskejjel tal-Ingliż kienu għalqu f’daqqa wara żieda fil-każi ġodda ta’ Covid-19 hekk kif l-awtoritajiet kienu xeħtu r-responsabbiltà ta’ dik iż-żieda fuq l-istudenti barranin li kienu tħallew jiġu Malta mill-Gvern innifsu mingħajr ma kienu vvaċċinati.