B’223 persuna abbord, dgħajsa tas-salvataġġ tinsab qrib Sqallija fit-tfittxija ta’ port sigur… Dan wara li l-Organizazzjoni Sea-Eye kkonfermat li l-awtoritajiet Maltin irrifjutaw li joffru l-għajnuna u saħqu li naqsu mill-obbligi tagħhom li jgħinu f’operazzjoni ta’ rkupru ta’ persuni li jinsabu f’periklu fl-ibħra territorjali Maltin.
Il-gazzetta Malta Today ikkonfermat li minn nhar il-Ħamis 16 ta’ Diċembru l’hawn, saru erba’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fiż-żona Maltija ta’ tfittxija u salvataġġ .. u fost l-223 immigranti abbord hemm 29 mara, erbgħa minnhom tqal, u tmint itfal.
Kelliema għal Sea Eye saħqu li bħalissa l-membri tal-ekwipaġġ qed jagħmlu minn kollox sabiex jagħtu l-kura meħtieġa lil dawn il-persuni li jinsabu bejn sema’ u ilma qrib Sqallija, iżda s-saħħa tagħhom aktar kemm jgħaddi ħin.. aktar qed tmur għall-agħar.
L-organiżazzjoni Germaniza qalet li żewġ nisa tqal kienu qed jesperjenzaw uġigħ fl-istonku, filwaqt li żewġ persuni oħra sofrew xi ħruq. Fost it-tfal li jinsabu abbord, tifel minhhom għandu idu miksura u ieħor għandu subgħajh miksur. Oħrajn kellhom jiġu kkurati għall-ipotermija .
L-organiżazzjoni saħqet li meta talbet għal għajnuna ta’ Malta … kellhom il-bieb magħluq f’wiċċhom bl-ispjegazzjoni tkun li l-pajjiż mhux f’pożizzjoni li jipprovdi post ta’ sigurtà għal aktar immigranti.
L-Organiżazzjoni Germaniza qasmet id-dispjaċir tagħha għan-nuqqas minn naħa tal-gvern Malti li ma għamel assolutament xejn sabiex jgħin lill-dawn l-mmigranti li jinsabu fil-periklu f’nofs ta’baħar.