Il-Qorti Kriminali ċaħdet it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest imressqa minn wieħed mill-irġiel akkużati bl-akkużi li kiseb il-bomba li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Jamie Vella, li jinsab akkużat flimkien mal-aħwa Tal-Maksar Adrian u Robert Agius, kif ukoll George Degiorgio, kien ippreżenta rikors fil-Qorti Kriminali, fejn talab il-ħelsien mill-arrest fl-14 ta’ Diċembru. Diversi talbiet simili diġa kienu miċħuda.
Il-Qorti semgħet lill-avukati ta’ Vella jargumentaw li d-dritt tal-ħelsien mill-arrest huwa sanċit mill-Kostituzzjoni. Dik li persuna akkużata bil-kummissjoni ta’ reat hija preżunta innoċenti sakemm ma jkunx hemm dikjarazzjoni ta’ ħtija fil-konfront tagħha.
Huwa minnu li l-jedd għal ħelsien mill-arrest mhuwiex wieħed awtomatiku, iżda dejjem f’kull żmien u f’kull waqt jibqa’ soġġett għall-garanziji meħtieġa fl-artikolu 575 tal-Kodiċi Kriminali. Fid-deċiżjoni tagħha l-Imħallef Edwina Grima hiijka qalet li -omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia ixxokja lil Malta u pajjiżi barrani.
Hu omiċidju li jattakka fil-profond il-jedd fundamentali tal-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti li għandhom jedd jinvestigaw, jistaqsu u jirrapportaw. Xogħol li hu fiċ-ċentru ta’ kull demokrazija. Caruana Galizia kienet ġurnalista li tinvestiga u tippubblika dwar każijiet fejn tkun allegata korruzzjoni b’involviment ta’ persuni li jokkupaw karigi fil-Gvern jew huma viċin tal-Gvern.
Omiċidju li wassal għall-protesti f’Malta mifruxa fuq diversi xhur u dibattiti u rapporti fil-fora internazzjonali. Hu fl-interess pubbliku li l-investigazzjonijiet dwar dan il-qtil makabru jitkomplew bla waqfien sabiex jiġi stabbilit hemmx persuni oħra li għandhom jiġu akkużati b’reati in konnessjoni mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fiċ-ċirkostanzi l-Qorti mingħajr eżitazzjoni tikkonkludi li f’każ bħal dan fejn qed tittratta ma’ attivita` kriminali fuq din l-iskala, ir-riskju li jekk tingħata l-ħelsien mill-arrest isir xi forma ta’ pressjoni fuq ħaddieħor hu reali u għoli. Il-Qorti qalet ukoll li l-konsiderazzjoni ewlenija fir-rigward tat-talba tal-akkużat għal ħelsien mill-arrest, marbuta mal-fattispeċje partikolari ta’ dan il-każ, hija l-periklu li jista’ jinħoloq preġudizzju serju fil-kors tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Dan kollu qed jingħad fid-dawl tan-natura gravi tar-reati li dwarhom jinsab mixli r-rikorrent, fejn allura għadhom jeżistu dawk il-biżat ravviżati fl-artikolu 575 tal-Kodiċi Kriminali, biżat li diġa ġew riflessi fid-digriet ta’ din l-istess Qorti, kif diversament ippresjeduta, ta’ ftit gimghat ilu, u li almenu f’dan l-istadju għadhom jiggustifikaw d-detenzjoni tar-rikorrenti.
Ingħad ukoll li lanqas ma jidher illi minn dak id-digriet sal-lum kien hemm xi tibdil fic-cirkostanzi li jistghu jwasslu lil Qorti tbiddel il-fehma taghha. Għaldaqstant għal dawn il-motivi, il-Qorti qiegħda tiċħad it-talba. Għal Vella qed jidhru l-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin. L-Avukat George Camilleri rrappreżenta lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>