Coronavirus Lokali Saħħa

386 każ ġdid tal-Covid-19; il-każijiet attivi jlaħħqu l-2,505

Studenti tal-mediċina mitluba jagħtu l-għajnuna fil-contact tracing

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 386 każ ġdid ta’ COVID-19. L-aħħar darba li f’Malta nstabu aktar minn 350 każ kien fil-bidu ta’ Marzu li għadda. In-numru ta’ każijiet attivi fil-komunità kompla jiżdied u issa hu dak ta’ 2,505. Fl-aħħar erba’ t’ijiem, f’din l-94 ġimgħa tal-imxija f’pajjiżna, instabu 1,211-il każ.

Din iż-żieda qawwija ta’ każi f’qasir żmien qed tixħet piż enormi fuq is-servizzi kollha tas-saħħa b’sorsi li tkellmu ma Net News jisħqu li hemm diversi wards fl-Isptar Mater Dei li għandhom numru ta’ pazjenti pożittivi għal Covid bil-ħaddiema kull ma jmur mhux ilaħħqu max-xogħol. Dan filwaqt li persuni li kellhom appuntamenti l-isptar għal xi interventi, kellhom l-appuntamenti posposti.

Il-pressjoni mhux biss qed tiżdied fuq it-tobba u l-infermiera iżda ankè fuq it-taqsima tal-contact tracing u l-call centre tal-111 li mhux ilaħħqu mad-domanda. Infatti dwar dan il-Professur Charmaine Gauci talbet lill-istudenti tal-mediċina biex jgħinu fil-contact tracing.

Minn 40 każ ta’ COVID-19 li hemm fl-Isptar Mater Dei bħalissa hemm 5 persuni fl-ITU u s’issa ngħataw 175,395 dożi tal-booster.

Fatt pożittiv hu li fl-aħħar sigħat fiequ 71 persuna oħra filwaqt li bejn it-Tnejn u t-Tlieta ma ġiet irreġistrata l-ebda mewta kaġun tal-imxija bl-ammont baqa’ dak ta’ 471.

Intant il-Covid Action Team tal-Partit Nazzjonalista fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kompla bl-appelli tiegħu għal aktar trasparenza mill-Gvern fid-deċiżjonijiet dwar il-pandemija u insista li għandna nantiċipaw il-firxa tal-varjant Omicron f’pajjiżna għaliex il-wasla tal-varjant il-ġdid fil-gżejjer Maltin mhux kwistjoni ta’ jekk imma ta’ meta.

Il-PN appella sabiex il-wage supplement ikun estiż sa mill-anqas sa’ Marzu partikolarment għal setturi li qed jintlaqtu għal darb’oħra, bil-PN jispjega li jekk il-Gvern ma jridx joffri suppliment tal-pagi estiż, għandu tal-inqas jikkunsidra li jieħu l-proposta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li titnaqqas il-V.A.T għal 7%.