Għaddew aktar minn ħames snin, u dak li kellu jkun proġett li kien se jbiddel il-ħajjiet ta’ għexieren ta’ persuni b’dizabbiltà għadu biss toqba kbira fl-art.
Proġett li għadda minn id Ministru Laburista għal għand ieħor, illum għadu biss duħħan fl-arja.
Filfatt meta ġie mħabbar uffiċjalment lura fl-2016 bil-pompa kollha li jħobb juża l-Gvern Laburista, il-ħsieb kien li fiż-żona qrib dak li kien is-sit tat-Trade Fair fin-Naxxar kellu jinbena ċentru li jinkorpora fih erba’ blokok ta’ apparatmenti mdawra b’ġonna u spazji miftuħa, parkeġġ taħt l-art, restaurant u cafeteria, uffiċini, gym u pool. B’kollox kellu jkun hemm 78 unit residenzjali u 26 kamra oħra indipendenti.

Fl-2016 filfatt, dik li kienet is-Segretarju Parlamentari għad-Diżabbiltà dakinhar, Justyne Caruana, fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari dwaru kienet qalet li dan iċ-ċentru issa kien ingaħta l-isem Reach.

Iżda llum, ħames snin wara, in-Naxxarin li joqgħodu fiż-żona ta’ fejn kien pjanat il-proġett għandhom ma wiċċhom biss toqba kbira fl-art, u l-persuni b’dizabbiltà li kienu qed jistennew dan iċ-ċentru biex suppost jingħataw ftit aktar indipendenza baqgħu b’xejn.

Minkejja li dan il-proġett kellu jsir bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, tabella li kienet turi dan u li kienet twaħħlet fuq is-sit tat-toqba, saħansitra tneħħiet. Sa issa għadu mhux magħruf jekk l-Unjoni Ewropea rrifjutatx fondi għal dan il-proġett. Li hu ċert hu li l-Gvern ta’ Robert Abela nesa lill-persuni b’dizabbiltà, li baqgħu biss b’wegħda mhux imwettqa filwaqt li ħalla lir-residenti tal-madwar bl-inkonvenjent ta’ sit ta’ kostruzzjoni mitluq.

Filfatt NetNEWS jifhem li x-xogħolijiet issa ilhom weqfin ix-xhur u mhemmx ħjiel ta’ meta dawn se jitkomplew.
//= $special ?>