L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tappella lin-nies kollha tad-dinja biex jikkanċellaw il-pjanijiet ta’ żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena biex jipproteġu s-saħħa tal-pubbliku ġenerali. Dan meta l-varjant Omicron qed jinfirex b’rata mgħaġġla madwar id-dinja, bil-pajjiżi qed jieħdu dejjem aktar prekawzjonijiet fis-sitwazzjoni delikata.
L-appell tad-WHO, permezz tad-Direttur Ġenerali Tedros Adhanom Ghebreyesus kien wieħed ċar: “Aħjar tikkanċellaw avveniment milli tikkanċellaw ħajja.” Hu żied li ninsabu fi żmien fejn iridu jittieħdu “deċiżjonijiet diffiċli” u għalhekk, saħaq li jkun aħjar li wieħed iħassar jew jipposponi l-avvenimenti tal-festi.
Il-kummenti tad-Direttur tad-WHO waslu ftit wara li l-esperti tas-saħħa ddikjaraw li Omicron issa huwa l-varjant l-iktar dominanti fl-Istati Uniti. Tedros żied jgħid li issa kien hemm evidenza li l-varjant “qed jinfirex b’mod aktar mgħaġġel mill-varjant Delta”.
Numru ta’ pajjiżi – inklużi Franza u l-Ġermanja – ssikkaw ir-restrizzjonijiet marbuta tal-COVID-19, fejn fost l-oħrajn daħħlu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Dan filwaqt li l-Olanda introduċiet lockdown strett għal matul il-perjodu tal-Milied.
Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Boris Johnson qal li l-gvern tiegħu mhux jeskludi l-possibbiltà li jdaħħal regoli ġodda fl-Ingilterra hekk kif il-każijiet Omicron qed jiżdiedu. Fil-fatt, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena fi Trafalgar Square, f’Londra, tħassru “fl-interess tas-sigurtà pubblika.”
//= $special ?>