Raġel barrani li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa tilef ħajtu kawża ta’ inċident li seħħ fuq il-post tax-xogħol f’Ħal Għaxaq.
Skont informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon, l-inċident seħħ illum għall-ħabta tal-12:15pm fejn mhux eskluż li l-ħaddiem inqabad bejn inġenji tax-xogħol u s-saqaf ta’ tank tal-fuel li fih kien qed jadħem.
Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, team mediku tal-ambulanzi u l-Pulizija.
Ir-raġel kien iċċertifkat mejjet fil-post u għalhekk ftit wara, fuq il-post waslu team tal-Forensika u esperti tal-qorti li qegħdin jgħinu fl-Inkjesta Maġisterjali li infetħet mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
L-aħbar tal-fatalità fuq post tax-xogħol tħabbret mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fi stqarrija. L-OHSA qalet li ġiet infurmata b’inċident fuq post tax-xogħol li ġara llum f’Ħas-Saptan, f’Ħal Għaxaq, fejn ħaddiem tilef ħajtu waqt li kien qed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni f’tank taħt l-art. L-OHSA bdiet l-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ.
Il-pulizija għadha qed tinvestiga.
//= $special ?>