Coronavirus Lokali Saħħa

Id-WHO tappella biex nikkanċellaw l-avvenimenti ta’ żmien il-festi

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tappella lin-nies kollha tad-dinja biex jikkanċellaw il-pjanijiet ta’ żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena biex jipproteġu s-saħħa tal-pubbliku inġenerali hekk kif il-varjant Omicron qed jinfirex b’rata mgħaġla b’mod globali.

L-appell tad-WHO permezz tad-Direttur Ġenerali Tedros Adhanom Ghebreyesus kien wieħed ċar: “aħjar tikkanċellaw avveniment milli tikkanċellaw ħajja.” Hu żied li ninsabu fi żmien li fih għandhom jittieħdu “deċiżjonijiet diffiċli” u għalhekk saħaq li jkun aħjar li nikkanċellaw jew nipposponu l-avvenimenti tal-festi.

Il-kummenti tad-Direttur tad-WHO waslu ftit wara li l-esperti tas-saħħa ddikjaraw li Omicron issa huwa l-varjant l-iktar dominanti fl-Istati Uniti. Tedros żied jgħid li issa kien hemm evidenza li l-varjant “qed jinfirex b’mod aktar mgħaġġel mid-Delta”.

Numru ta’ pajjiżi – inkluż Franza u l-Ġermanja – ssikkaw ir-restrizzjonijiet marbuta tal-COVID-19 fejn fost l-oħrajn daħlu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Dan filwaqt li l-Olanda ntroduċiet lockdown strett għal matul il-perjodu tal-Milied. Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Boris Johnson qal li l-gvern tiegħu mhux jeskludi l-possibbiltà li jdaħħal regoli ġodda fl-Ingilterra hekk kif il-każijiet Omicron qed ikompli jiżdiedu. Filfatt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena fi Trafalgar Square f’Londra tħassru “fl-interess tas-sigurtà pubblika.”