Internazzjonali

Il-Covid madwar id-dinja: Twissija dwar il-piż potenzjali fuq l-isptarijiet…New Zealand u l-Awstralja jesprimu inkwiet dwar is-sitwazzjoni

Xjenzat Britanniku magħruf qed iwissi li d-data ġdida fir-Renju Unit u madwar id-dinja indikat żieda sinifikanti fil-pazjenti morda bil-Covid u li jeħtieġu l-kura fl-isptarijiet.

Sir Jeremy Farrar, riċerkatur mediku ewlieni u direttur tal-Wellcome Trust, għamilha ċara li tinħtieġ azzjoni speċifika f’sitwazzjoni fejn il-każi tal-Covid ikomplu jisparaw ‘il fuq waqt din il-mewġa ġdida tal-pandemija. Hu wissa wkoll li n-numri kbar ta’ pazjenti bil-Covid fl-isptarijiet kapaċi jimponu piż eżaġerat fuq is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi partikulari.

Sadanittant, fir-Renju Unit, id-Dipartiment tat-Teżor ħabbar appoġġ finanzjarju qawwi għan-negozji fis-settur tad-divertiment u anki għal-lukandi u intrapriżi simili li jipprovdu l-akkommodazzjoni.

Dan meta l-Gvern qed jinnota li l-kawtela tal-pubbliku dovuta għall-ispinta fil-każi tal-Covid qed tweġġa lill-kumpaniji fl-aktar żmien kummerċjali attiv tas-sena. Intant, mal-200,000 negozji kapaċi jingħataw grants finanzjarji qawwija mill-Gvern Britanniku matul il-jiem li ġejjin.

Il-kumpaniji fis-settur tad-divertiment u entitajiet oħrajn involuti mal-industrija tat-turiżmu issa qed isejħu biex il-Gvern joħroġ b’deċiżjoni ċara dwar kwalunkwe restrizzjonijiet relatati mal-Covid fl-Ingilterra.

Ngħaddu  għal New Zealand fejn l-uffiċjali, għalissa, ipposponew pjani biex ir-residenti li jirritornaw mill-mawriet fl-Awstralja jkunu eżenti mill-kwarantina.

New Zealand, qabel, kien wieġeb għall-pandemija b’sensiela ta’ regoli stretti għall-movimenti mill-fruntiera. Intant, Chris Hopkins, il-Ministru ta’ New Zealand responsbbli mir-reazzjoni għall-Covid, qal li jirrikonoxxi d-diżappunt tan-nies dwar id-deċiżjoni iżda għamilha ċarali l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntiera min-nofs-Jannar kellu jġorr element kbir wisq ta’ sogru.

Min-naħa tagħha, l-Awstralja wkoll qed tħejji għal żieda fil-każi tal-Omicron, il-varjant ġdid tal-Covid li feġġ għall-ewwel darba f’Novembru, fl-Afrika t’Isfel.

Filwaqt li l-każi tal-coronavirus qed jiżdiedu fl-Awstralja, il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison ħeġġeġ biex il-poplu iħares ‘il quddiem mill-kultura ta’ mandati u direttivi u jaddotta kultura ta’ responsabbiltà fiċ-ċirkustanzi.

L-Awstralja wkoll adottat il-kontrolli riġidi mal-fruntieri tagħha, b’kaġun tal-Covid, waqt li estendiet iż-żmien biex il-miżuri lokali għal kontra l-virus jibqgħu effettivi. Madankollu, dan il-pajjiż dieħel għall-istaġun tas-sajf b’aktar minn 90 fil-mija tar-residenti ta’ ‘il fuq minn 16-il sena mlaqqmin darbtejn kontra l-Covid-19.