“President li ma jaqbilx ma’ liġi, il-Kostituzzjoni tridu ma jiffirmahiex dik il-liġi u mhux jirriżenja. Jekk il-Gvern jew xi ħadd jidhirli li għandu jneħħieh, imbagħad issir mozzjoni. Iġifieri din żelqa doppja.”
Saħaq dan l-avukat Franco Debono meta t-Tnejn filgħaxija kien qed jiġi intervistat minn Lisa Spiteri waqt NET Live dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel il-President George Vella biex jiġġustifika d-daqqa tal-pinna tiegħu fuq il-liġi tal-kannabis.
“Il-firma tiegħu qegħda hemmhekk bħala parti integrali minn dak il-proċess leġiżlattiv demokratiku. Qed jgħid li jitlaq ’l hemm. X’iġifieri jitlaq ’l hemm? President li ma jemminx f’xi ħaġa u xorta jiffirmaha, jien nemmen li anki dik hija raġuni għaliex mhuwiex postu hemm għax President, bniedem li jinkarna l-għaqda nazzjonali, għandu jkollu s-sinsla, fibra moral u karattru b’mod li jekk ma jaqbilx fuq xi ħaġa, jgħid li ma jaqbilx, jien mhux ħa niffirmaha, mhux b’mod kapriċċjuż ovvjament! Mela jirriżenja?! X’iġifieri jirriżenja?! Lanqas jista’ jkun selettiv u jiddeċiedi hu fejn President jista’ joġġezzjona u fejn jista’ le.”
L-avukat Debono kompla juri t-tħassib tiegħu fuq id-dikjarazzjonijiet tal-President, li ħolqu kontroversja bla bżonn:
“Id-dikjarazzjonijiet huma inkwetanti għax il-President tar-Repubblika, li fil-fehma umli tiegħi għandu jirtirahom, għamel dikjarazzjonijiet li mhumiex fl-ispirtu tal-Kostituzzjoni għax meta qed tgħid li jekk President ma jiffirmax liġi fuq kwistjoni ta’ kuxjena, ta’ valuri jew għal xi raġunijiet impellenti oħra huwa dittatur, mhu vera xejn. Inkella George Vella qisu qed jgħid li l-kuxjenza tiegħu hija l-metru tal-kuxjenzi tan-nies kollha l-oħra li mhux hekk. Wieħed forsi qed taħarqu qalbu fuq oġġett, u jgħid isma’, jien għandi kriżi ta’ kuxjenza u fuq din jiena mhux se niffirma.”
Franco Debono qal li r-riżenja mhijiex l-unika triq li għandu l-President meta ma ma jaqbilx ma’ xi ħaġa:
“President li jidhirlu li m’għandux jiffirma, ma jiffirmax! Għalhekk qiegħed hemm! Għalhekk qiegħed parti mill-proċess leġiżlattiv biex anki fejn jinqalgħu ċirkostanzi fejn jidhirlu li m’għandux jiffirma, ma jiffirmax u mhux jirriżenja! Jekk imbagħad għandu jitneħħa jew issir mozzjoni, imbagħad għandek ir-rimedju politiku.”
Huwa fakkar kif il-President Emeritu, George Abela, kellu problema kbar ta’ kuxjenza bil-liġi tal-unjoni ċivili li kienu se jwassluh biex ma jiffirmahiex u l-Gvern dak iż-żmien kien ħalla l-liġi għal meta nbidel il-President imbagħad mexxieha.
“X’kellu jagħmel? Jew jaqbad u jiffirma u ma jgħid xejn għax il-firma tgħid kollox, m’għandekx x’iżżid magħha. Jekk inti tħoss li għandek tiffirma, taqbad iċċappas il-firma, iddum sekonda u m’għandekx x’iżżid. Inkella jekk m’intix se tiffirma, tgħid ir-raġunijiet għala m’intix se tiffirma.”
Debono qal li kien ikun aktar għaqli li kieku partijiet differenti tal-liġi kienu jiddaħħlu fi żminijiet differenti biex l-ewwel tħejji qafas, imbagħad iddaħħal biċċa oħra, tant li fil-fehma tiegħu, issa l-liġi se jkollha tinbidel xi 4 jew 5 darbiet.
Intant, wara każijiet ta’ evażjoni ta’ taxxa li jlaħħqu t-€300,000, bħal tad-deputat Laburista, Ian Castaldi Paris, Franco Debono tkellem ukoll dwar kif il-każijiet ta’ ħasil ta’ flus qed jiġu investigati:
“Din kwistjoni ta’ serjetà jew konvenjenza? Ma’ Ċikku nimxu mod u ma’ Peppu nimxu mod ieħor. Għax jekk ħa noħoloqu riga, din mhux lakstuwa, din għandha tkun riga għal kulħadd. L-amministrazzjoni tal-liġi qed issir b’konvenjenza. Spiċċajna f’sitwazzjoni fejn lilek iridu jkissruk allura jġibuk li qed taħsel il-flus u lanqas nafx xiex. Bir-rispett kollu! Jekk jiena ma ninvestigax fuq każ ta’ €300,000, lil min trid ninvestiga fuq ħasil ta’ flus fejn tidħol taxxa? Ikollok negozjant, kulħadd imwerwer, għax issa daħħalna l-biża’, u dawn jistaqsu, kif dan hekk u l-ieħor hekk?”
Franco Debono temm jgħid li evażjoni ta’ €300,000 taxxa għandha tiġi investigata għall-ħasil ta’ flus bħalma sar jiġi investigat negozjant li jinqabad fuq €30,000, inkella kulħadd jirranġa d-diskrepanzi amministrattivament.
//= $special ?>