Internazzjonali

Il-Malasja: L-akbar għargħar mill-1971

Mietu talanqas 20, b’għexieren ta’ eluf jispiċċaw kostretti li jgħixu bħar-refuġjati minħabba l-akbar għargħar f’dan il-pajjiż għal għexieren ta’ snin. Dan meta bnadi tal-kapitali – Kuala Lumpur – fl-aħħar jiem spiċċaw mgħarrqin taħt livell ta’ ilma li r-residenti ilhom ma’ jaraw miż-żmenijiet tal-‘għargħar storiku tal-1971’.

Diversi jiem konsekuttivi ta’ xita kkaġunaw għargħar f’talanqas tmien Stati tal-Malasja, b’numru ta’ bliet u villaġġi jispiċċaw taħt l-ilma. Dan waqt li l-Gvern tal-Malasja qed jiffaċċa kritika kbira talli ma ħariġx twissijiet fil-ħin opportun u talli ‘irreaġġixxa bil-mod wisq’ għall-kriżi. Hemm ukoll il-biża’ li ċ-ċifra tal-mejtin fl-għargħar tispara ‘il fuq fost stennija li ‘jinstabu ħafna aktar katavri.’

Mill-bidu tal-ġimgħa, ‘il fuq minn 51,000 spiċċaw evakwati minn djarhom, meta ħafna mir-‘refuġjati ġodda’ ġejjin minn Pahang, mal-kosta lejn il-lvant tal-penisola ta’ Malay li spiċċat fost l-Istati milqutin l-agħar mill-għargħar.