124 studju ta’ riċerka medika qed juru biċ-ċar li l-frażi ta’ użu ta’ “Kannabis Responsabbli” ma teżistix. Dan kien il-messaġġ tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija li fi stqarrija qalet li mhux talli l-ħaxixa ma tistax tintuża’ b’mod responsabbli iżda tista titqies bħala “droga perikoluża li twassal għal dipendenza fuqha” b’konsegwenzi serji fit-tul fuq is-Saħħa Mentali.
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ikkundannat mingħajr riżervi l-promozzjoni u r-reklamar sfaċċat tal-hekk imsejjaħ “użu responsabbli tal-kannabis” minn ministri tal-gvern li suppost għandhom għal qalbhom is-saħħa taż-żgħażagħ tagħna.
It-tobba qalu li m’hemm ebda użu responsabbli tal-kannabis, għaliex din hija droga li twassal għal sensazzjoni artifiċjali li tidher sabiħa għal ftit ħin qasir qabel ma twassal għal riperkussjonijiet kbar fuq is-saħħa tal-bniedem. “Huwa kompletament inaċċettabbli li kwalunkwe “figura politika tippromwovi pjaga tas-soċjetà moderna”, għaliex, ikomplu t-tobba, din se twassal għal ħsara kbira b’mod partikolari fuq l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.
L-istudju li kwotaw il-MAM fl-istqarrija tagħhom jikkonkludi li “l-evidenza tissuġġerixxi li l-frekwenza tal-użu tal-kannabis, il-kontenut ta’ THC, l-età ta’ meta wieħed jibda jpejjep l-marijuana, u l-użu b’mod regolari tal-Kannabis jistgħu jikkontribwixxu għal riżultati inkwetanti ħafna bl-aktar effett gravi jkunu dak tal-psikożi.
It-tobba spjegaw li l-psikożi hija kundizzjoni li teħtieġ trattament bil-mediċini u ħafna drabi twassal biex persuna tqatta’ ammont ta’ żmien fi sptar li jispeċjalizza fil-mard tas-saħħa mentali.
//= $special ?>