Lokali Qorti

Jammetti li beżaq f’wiċċ Surġent tal-Pulizija

Raġel minn Birkirkara ngħata sentenza sospiża u multa ta’ €2,000 wara li ammetta li beżaq f’wiċċ uffiċjal tal-pulizija fl-għassa tal-lokal. Liebes ‘hoodie blu’ oversized, Eugenio Lanzon ta’ 33 tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, akkużat li wettaq reat kontra uffiċjal pubbliku li kien qed jaqdi dmirijietu, li m’obdiex u li pprova jindaħal fl-ordnijiet tal-pulizija, li naqas milli jilbes maskra kontra l-Covid fil-pubbliku u li kiser il-paċi. pubblika

L-akkużat kien beżaq f’wiċċ surġent tal-pulizija fl-għassa ta’ Birkirkara, fejn allegatament talli kien fis-sakra u wettaq diżordini fil-pubbliku. Id-difiża qalet lill-Qorti li l-inċident kien seħħ fl-għassa tal-pulizija, u żiedet li l-maskra tar-raġel kienet inqatgħet waqt l-arrest li rriżulta.

L-ispettur Andrew Agius ma insistax fuq sentenza ta’ ħabs, iżda talab li kwalunkwe multa imposta tkun ogħla mill-minimu. Intalbet ukoll ordni ta’ trażżin favur is-surġent inkwistjoni. Il-Qorti, filwaqt li nnotat li l-akkużat kien wieġeb ħati mal-ewwel opportunità u li l-akkużi ż-żgħar ġew assorbiti ma’ dawk l-aktar serji, tat lil Lanzon sentenza ta’ sitt xhur ħabs, sospiżi għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €2,000.

Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin. Hekk kif dan ġie spjegat lill-akkużat, huwa qal lill-Qorti li jaqla biss €800 fix-xahar u għandu tliet itfal x’imantni. L-avukat tiegħu talab lill-qorti biex tagħtih ftit taż-żmien biex iħallas il-multa. Il-Qorti tagħtu ċans tliet snin biex jagħmel dan.