Lokali Qorti

Mhux ħati li wettaq hold-up armat fi stabbiliment tal-gaming fejn insterqu eluf ta’ ewro

Raġel ta’ 34 sena minn Bormla ma nstabx ħati li fl-2015 wettaq hold-up armat fuq stabbiliment tal-gaming f’Bormla stess u li seraq bejn €5,000 u €6,000 fi flus kontanti, liema ammont ġie żvelat mis-sid tal-istabbiliment stess.  Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma sabitx lil Marflene Cricchiola ħati li wettaq is-serqa għad-dannu ta’ Best Play li jinsab fi Triq Santa Tereza għall-ħabta tal-11.00pm. fil-11 ta’ Frar.  

Dan peress li ma nstabu l-ebda marki tas-swaba, min wettaq is-serqa kien  mgħammad u ma ntarafx, li tfittxija fil-karozza tiegħu rriżultat fin-negattiv u l-fatt li l-istatura simili tal-ħalliel mal-imputat ma tiffisirx li kien hu li wettaq is-serqa.   

Mix-xhieda tal-Pulizija ħareġ li waqt li huma kienu fuq ronda f’Bormla rċevew telefonata li kienet qed issir hold up fil-ħanut tal-gaming u meta marru fuq il-post il-Manager qalilhom li l-ħalliel kien ta’ statura medja, mibni u li kien liebes hoodie blue. Il-Manager kellu suspett f’persuna li ma kienx jaf x’isimha iżda li kien isuq karizza Del Sol CRX ħamra bi sticker sewda mal-ġenb, 

Meta għamlu ronda wara t-triq tal-Best Play, innutaw li din il-karozza u fil-pront ħareġ l-imputat minn posta fil-faċċata. Dan kien liebes flokk abjad u qalziet tat-tracksuit blue. Dan kien sejjer bil-karozza tiegħu, d-Del; Sol CRX ħamra u meta waqqfuh dan qalilhom li kien sejjer xi tournament u wara għand it-tfajla tiegħu. Hu fil-pront staqsihom jekk hux qed iwaqqfuh fuq il-hold up.  

Xehed ukoll il-persuna li kienet taħdem mal-Best Play li spjega li dak inhar mar fuqu raġel mgħammad b’senter u qallu sabiex jagħtih flus kontanti. Wara qallu wkoll biex jiftaħ s-safe u jitfa’ l-flus fil-basket li kellu. 

Qal li x’ħin telaq il-ħalliel huwa għafas il-buttuna tal-panic u minnufiha marru l-Pulizija. Qal li qatt ma taha deskrizzjoni ta’ din il-persuna iżda sema’ lil xi Pulizija jsemmi isem Manfre jew Malfren u qallu li kien jaf lil xi ħadd b’dak l-isem u li ġieli mar jilgħab u li kellu karozza Del Sol. Dan qalilhom li l-ħalliel kellu l-istess statura ta’ Marflene imma l-unika deskrizzjoni li seta’ jagħti kien li kien liebes hoody sewda u xalla ta’ l-istess kulur, liema xalla kienet qed tgħattilu wiċċu. 

Hu kkonferma li kien hemm camera tas-sigurta fil-post. Meta kien mistoqsi fl-awla jekk setax jagħraf lil xi ħadd, huwa wieġeb fin-negattiv.  Il-Qorti ħadet konjizzjoni tar-rapport tal-espert Dr. Mario Scerri li eżamina lill-imputat li kkonstata li dan kellu xi grif fuq idu l-leminija li kienu jirrisalu għax xi jumejn qabel u xi grif ieħor fuq idu x-xellugija li jmorru lura għal xi ġimgħa qabel. 

Il-Qorti rat ukoll ritratti (stills) tal-mument li fih il-ħalliel daħal fil-post u nnutat li dan kien liebes hoodie bil-komma twila iżda wiċċu ma kien x jidher. Kien liebes ukoll ‘tracksuit bottoms’ ta’ lewn skur u papoċċ skur bl-istrixxi bojod kif wieħed jara ħafna nies bl-istess għamla. 

Il-Qorti qalet li l-unika prova li tista’ tpoġġi ħtija fuq l-imputat hija l-fatt li jista’ jkun li l-istatura tal-ħalliel ma’ tiegħu hija simili u li kellu xi grif f’idejh. Fil-kumplament lil Cricchiola ħadd ma għarfu, ma nstabu l-ebda marki tas-swaba fuq il-post tas-serqa minkejja l-fatt illi hu jidher li kien mingħajr l-ingwanti, u lanqas instab fil-pusses tal-imputat xi oġġett jew ilbies li seta’ jwassal għall-involviment tiegħu fis-serqa.  

Il-Qorti qalet l-grif li nstabu fuq l-imputat jmorru aktar lura għal meta seħħet is-serqa filwaqt li l-papoċċ li kien liebes, li l-Pulizija rat wieħed bħalu fuqu, fuq il-midja soċjali, mhumiex provi biex huwa jinstab ħati. “Il-papoċċ tad-ditta huwa sinonimu mal-fatt li l-maġġoranza taż-żgħażagħ f’dawn iż-żminjiet jilbsu ħafna bħalu.  

Aktar minn hekk minkejja li l-imputat inqabad ftit wara s-serqa u l-Pulizija rawh ħiereġ minn residenza partikolari, ma jfisser xejn u anke l-fatt li ma kienx liebes l-istess ħwejjeġ ta’ x’kien liebes il-ħalliel u minn tfittxija li saret fil-karozza tiegħu, ma nstab xejn lanqas. Anke l-impjegat tal-Best Play fi stadju bikri tal-inkjesta dejjem stqarr li ma kellu suspett f’ħadd u ma setax jagħaraf lill-imputat, bħala l-ħalliel u dan minkejja li kien jafu għax xi kultant imur jilgħab fil-post fejn saret is-serqa. Għal dawn il-mottivi l-imputat ġie lliberat.  

L-avukati difensuri Franco Debono u Marion Camilleri deheru għal Cricchiola filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Josric Mifsud u l-Ispettur Saviour Baldacchino.