Lokali Qorti

Mixli li attakka sid ta’ bar b’pipe tal-metall

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest lil raġel akkużat li attakka sid ta’ bar b’pajp tal-metall fil-Marsa. Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-Ispettur Paul Camilleri ressaq il-Qorti lil Mahamed Diriye Ayab ta’ 27 sena mis-Somalja u residenti Raħal Ġdid.

Huwa ġie akkużat li attakka u weġġa’ ħafif raġel, kif ukoll li nsulenta u hedded lir-raġel kif ukoll mara u li mar lil hinn mil-limiti ta’ provokazzjoni waqt ġlieda f’bar tal-Marsa. Huwa kien akkużat ukoll li b’mod volontarju kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Il-prosekuzzjoni talbet li jinħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni u trażżin fil-konfront tal-vittmi. Il-proċeduri kienu kważi waqfu wara li ż-żewġ interpreti ingaġġati biex jassistu lill-akkużat naqsu li jattendu l-qorti. Minkejja li sostna li ma jitkellimx bl-Ingliż, il-qorti nnutat li l-akkużat seta’ jikkomunika mal-avukat tiegħu b;’din il-lingwa, u għalhekk ordnat li l-proċeduri jkomplu.

Waqt li l-akkużi kienu qed jinqraw bl-Ingliż, wasal interpretu wieħed. L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Qorti li Ayab kien ilu jixrob f’bar it-Tnejn waranofsinhar u u argumenta mas-sid, u li wara mar lura jattakkah b’pipe tal-metall. Il-Qorti semgħet kif allegatament intużat ukoll sikkina iżda din ma nstabitx fuq il-post.

Permezz ta’ l-avukat Yanika Bugeja, Ayab wieġeb mhux ħati. Intalbet il-libertà proviżorja bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-akkużat kien ingħata status ta’ ażil fl-Italja iżda ma kellux rabtiet b’saħħithom ma’ Malta.

L-indirizz tiegħu f’Raħal Ġdid kien magħruf li kien maqsum ma’ persuni oħra li jfittxu ażil. L-akkużat qal li qed jaħdem fil-ħanut tax-xorb. Bugeja sostniet li l-akkużi ġew ittrattati bħala reati minuri. Normalment persuni akkużati b’dawn ir-reati lanqas biss kienu akkużati taħt arrest, qalet l-avukat.

Ayab kellu impjieg u indirizz f’Malta u kien għadu meqjus innoċenti sakemm jiġi ppruvat ħati, sostniet Bugeja, li żiedet li n-nuqqas ta’ rabtiet tiegħu ma’ Malta jista’ jiġi miġġieled b’kundizzjonijiet imposti mill-qorti. Il-qorti iżda, wara li rat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kodiċi kriminali, iddeċidiet kontra l-pleġġ, u qalet li f’dan l-istadju ma kellhiex is-serħan tal-moħħ li l-akkużat kellu post fiss ta’ residenza u li ż-żewġ xhieda ċivili ewlenin kienu għadhom biex xehdux.