Lokali

Roseanne Camilleri tirbaħ il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena

Roseanne Camilleri ġiet onarat bl-unur tal-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena, 2021.. f’ċerimonja li kienet indirizata mill-President ta’ Malta George Vella u li fiha ġew onorati sitt individwi, tliet organizzazzjonijiet, u tim, fosthom, il-Premju tat-team tas-sena li intrebaħ mill-Pulizija tal-Komunità.

Filfatt, apparti Roseanne Camilleri, Emanuel Psaila kien mogħti l-Premju għall-aħjar Maniġer. Mario Gauci ġie onorat bil- Premju għall-Aħjar Imprenditur.

Il-Premju għall-Aħjar Imprenditriċi ingħata lil Angele Azzopardi filwaqt li Liana Bonnici rebħet l-unu tal-iktar Mexxeja Żagħżugħa ta’ Ispirazzjoni.

Il-Premju għall-Aktar Organizzazzjoni Inklussiva intrebaħ minn SportMalta filwaqt li l-Premju għall-Organizzazzjoni li tippromwovi l-aħjar Ambjent, Benefiċċji, u Kundizzjonijiet tax-Xogħol għall-Ġenituri intrebaħ minn Erremme Business Advisors.

Angelo Aquilina Ltd. rebħu l-unur tal–iktar kumpanija sostenibbli, filwaqt li Claudine Ellul Sullivan ingħataw premju li kien magħżul mill-Ministru.

Matul id-diskors tal-okkażjoni l-President George Vella ħeġġeġ biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema. “Il-laqgħa tagħna llum hija waħda ferm speċjali, mhux biss għax qed nagħtu numru ta’ premjijiet, iżda għax fuq kollox qed niċċelebraw il-bżulija u l-irwol importanti tax-xogħol fil-ħajja tal-bniedem.” George Vella fakkar fid-diversi sfidi u riperkussjonijiet li l-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha fuq il-postijiet tax-xogħol u mil-lat imprenditorjali.

Il-President spjega kif, minn studji li saru, irriżulta li l-instabbiltà u s-sens ta’ inċertezza jirriflettu b’mod dirett, u ħafna drabi b’mod negattiv, fuq il-produttività u s-saħħa tal-ħaddiema. Kien għalhekk, li huwa ħeġġeġ lill-komunità u lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema jitħarsu u jkunu fil-quċċata tal-politika nazzjonali dwar ix-xogħol. George Vella faħħar l-impenn tal-Maltin u l-Għawdxin u qal li nistgħu nkunu kburin b’kull wieħed u waħda minna.