Lokali

Tkaxkir tas-saqajn fil-konfront ta’ Justyne Caruana

Ikompli dak li issa huwa evidenti li huwa tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern fejn tidħol il-kwestjoni kollha ta’ Justyne Caruana hekk kif jidher li l-Kumitat tal-Istandards Pubbliċi se jkun qed iħalli għal wara l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena d-diskussjoni fi ħdanu dwar dak li sab il-Kummissarju għall-Istandards fil-konfront tal-Ministru tal-Edukazzjoni.

Filfatt l-ispeaker tal-kamra Anġlu Farrugia li huwa wkoll iċ-Chairperson ta’ dan il-Kumitat avża lill-membri taż-żewġ naħat li l-laqgħa li jmiss tal-PSC se ssir fl-10 ta’ Jannar, meta jerġa jibda jiltaqa’ l-Parlament.

Minn naħa tagħhom il-membri tal-Gvern fuq dan l-istess Kumitat issuġġerew li l-laqgħa ssir ftit ġranet aktar tard, b’kuntrast mal-membri tal-Oppożizzjoni li qed jitolbu li dan il-Kumitat jiltaqa fil-jiem li ġejjin.

Il-kumitati tal-Parlament, b’differenza mill-Parlament inniffsu jista’ jkompli jiltaqa’ anke meta l-kamra tar-rappreżentanti tkun waqfet tiltaqa’ għall-vaganzi.

Madankollu l-ispeaker jidher li ddecċieda li r-rapport ta’ George Hyżler li sab li Justyne Caruana kisret il-kodiċi tal-etika meta mpjegat fil-Ministeru tagħha lis-sieħeb tagħħha Daniel Bogdanovic u tatu €15,000 ta’ tliet xhur, mhuwiex materja ta’ urġenza u allura tista’ tistenna sa wara il-vaganzi.

Intant f’dawn il-jiem, skiet totali minn naħa tal-istess Ministru, iżda anke minn naħa tal-Prim Ministru Robert Abela li jidher li m’għandu l-ebda intenzjoni li jieħu azzjoni hu fil-konfront tal-Ministru Għawdxija.

Caruana diġà kienet ġiet imġegħla tirriżenja meta sabet ruħha f’nofs skandlu. Dakinhar hijia kienet miżżewġa lill-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li kellu ħbiberija intima ferm ma’ Yorgen Fenech, biex issa reġgħet sabet ruħha fi skandlu ieħor grazzi għall pjaċir li għamlet għas-sieħeb tagħha.

Madankollu, għallinqas għalissa, jidher li Caruana se tkun tista’ tqatta’ l-vaganzi tal-Milied u l-ewwel tas-sena b’moħħha mistrieħ li tul il-festi mhux se jkunu qed jittieħdu l-ebda miżuri punittivi fil-konfront tagħha.