Priġunier ta’ 58 sena ġie kkundannat tliet xhur ħabs wara li kważi 10 snin ilu nqabad bid-droga ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Kien fit-28 ta’ Marzu tal-2012 li Joseph Grech kellu ċ-ċella tiegħu f’Division 2 spezzjonjatà. Fiha nstab foil maħruq u karta mrembla bi traċċi ta’ sustanza ta’ lewn kannella, li mit-testijiet irriżulta li kienet eroina.
Mill-provi fil-Qorti ntqal li dak il-ħin fiċ-ċella kien hemm l-imputat biss u li din kienet ċella li tintuża’ persuna waħda u għalhekk ma setax kien hemm l-involviment ta’ ħaddieħor. Xhud importanti qal li kien hemm suspett li Grech bela’ xi sustanza qabel saritlu t-tfittxija, u għalhekk kienet saret inkjesta dwar il-każ.
Madankollu meta ttieħidlu x-ray, ma nstab xejn. Dwar l-istqarrijiet li ta lill-Pulizija, il-Qorti qalet li mhux se tinkludihom mal-provi minħabba li skont il-liġi l-akkużat ma ngħatax il-jedd li jkun asisistit minn avukat waqt l-interrogazzjoni. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li semgħet il-provi qalet li fuq il-karta rromblata kien hemm l-eroina u għaldaqstant ma mhemmx dubju li Grech għamel użu mid-droga mill-foil għax dan kien maħruq.
Huwa nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu l-eroina iżda ġie osservat li ma kienx hemm indikazzjoni tal-piż tas-sustanza u għalhekk qieset li l-piż kien minimu skont il-liġi. Il-Qorti qalet li iżda ma kienx ippruvat li kien hu li daħħal id-droga fil-ħabs.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti tagħat piż il-kondotta tiegħu, li kienet waħda kkulurita fosthom feriti ta’ natura ħafifa, pussess ta’ droga f’’diversi okkażjonijiet, traffikar tad-droga eroina u ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Dwar id-dewmien tal-każ, il-Qorti qalet li dan mhxu tort tas-sistema imma l-fatt li l-imputat ma deherx għal diversi seduti minkejja li kien notifikat.
Il-Qorti qieset il-fatt li r-reat seħħ fil-ħabs u għaldaqstant ikkundannatu tliet xhur ħabs effettivi u ordnat il-ħlas ta’l-ispejjeż tal-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella.
//= $special ?>