Lokali

Bosta mħassba jekk f’Jannar l-iskejjel hux se jiftħu jew le

Hekk kif f’pajjiżna n-numri ta’ każi ġodda fl-aħħar ġimgħa laħqu l-livelli tal-mewġa li l-Gżejjer Maltin kienu xhieda tagħha f’Marzu ta’ din is-sena, bosta huma mħassba dwar x’se jkun qiegħed jiġri fil-ġimgħat li ġejjin – jekk fost oħrajn hux se jkunu qed jerġgħu jiġu introdotti numru ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni minn naħa tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Fost dawk inkwetati huma diversi studenti, ġenituri kif ukoll għalliema…li ma jixtiqux jerġgħu jaraw il-lezzjonijiet tagħhom u ta’ uliedhom ikunu fuq bażi online – mid-dar.

Diversi persuni fuq il-midja soċjali staqsew x’se jkun qed isir mill-iskejjel ladarba jerġgħu jiftħu wara l-vaganzi tal-milied u x’se jkunu qed joffru l-ewwel jiem tas-sena l-ġdida. Dan wara li diversi skejjel madwar Malta u Għawdex, minn sekondarja saħansitra sa Kindergarten,  taw struzzjonijiet lill-istudenti sabiex jieħdu kull oġġett li kellhom fil-klassijiet lura lejn id-dar.

Bosta saħqu li raw din il-mossa bħala suspettuża, oħrajn li tkellmu fuq il-midja soċjali spjegaw li dan seħħ sabiex inaddfu l-klassijiet, b’numru ta’ persuni oħra jisħqu li dak li ġie spjegat lilhom huwa li dan seħħ għallijistajkun jerġgħu jagħlqu bħal ma’ seħħ fl-2020.

Filwaqt li numru ta’ persuni saħqu li ma jistax ikun it-tfal iridu jibqgħu d-dar għax huma jridu jmorru jaħdmu,  oħrajn spjegaw li uliedhom iridu jaraw u jitgħallmu mal-bqija ta’ sħabhom fil-klassi…madanakollu diversi oħra sostnew li b’dawn in-numri jiżdiedu kuljum jidher li dan il-pass se jkun inevitabbli.

Dan kollu ġie kkonfermat mill-President tal-Union tal-Għalliema, Marco Bonnici li spjega ma’ Net News li diversi skejjel ingħataw direzzjoni li jgħidu lill-istudenti tagħhom sabiex jieħu ħwejġhom magħhom id-dar. Huwa saħaq li kull pass jittieħed skont l-eventwalità ta’ dak il-perjodu u għaldaqstant id-diskussjonijiet, dwar jekk l-iskejjel ikunux se jiftħu jew le, se jkunu qed isiru fl-ewwel jiem ta’ Jannar – skont kif ikunu l-ammonti ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 f’dak il-perjodu.

Il-President tal-MUT preċiża jgħid li fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni tkun determinata mll-Awtoritajiet tas-Saħħa bħal ma’ dejjem seħħ tul dawn is-sena u 9 xhur.

Intant il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, mistoqsi dwar din is-sitwazzjoni waqt programm fuq ix-Xandir tal-Istat, saħaq li ġaladarba kulħadd jieħu l-booster u t-tfal jibdew jieħdu l-vaċċin huma wkoll l-eventwalità li jiġu introdotti miżuri drastiċi jonqsu. Madanakollu ma eskluda bl-ebda mod li fl-ewwel ġimgħat ta’ Jannar l-iskejjel jiftħu biss għal-lezzjonijiet online.