Tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Ministru Clayton Bartolo. Minbarra li l-Ministru tat-Turiżmu li ħa f’idejh id-dekasteru wara l-fallliment tal-mechanisms ta’ Julia Farrugia, bħalissa huwa s-suġġett ta’ kritika għall-fatt li anke hu ħalla l-industrija tat-Turiżmu bla pjan ta’ kontinġenza fid-dawl tas-sitwazzjoni prekarja li reġgħu sabu ruħhom fiha, Bartolo qed jiffaċċja wkoll pressjoni hekk kif mill-Awtorità tat-Turiżmu qed toħroġ informazzjoni dwar kif din l-istess awtorità inbidlet f’ATM minn erba’ minn nies li għandhom is-saħħa, u li Bartolo jew m’għandux saħħa fil-konfront tagħhom, jew inkella jinsab biċċa waħda magħhom fil-ħadma li qed issir.
Iżda jekk dan ma kienx biżżejjed, u issa Bartolo sab ruħu f’taħwida oħra hekk kif The Shift News żvelaw li ħuh Gilbert, perit, kien ingħata direct order għal xogħol minn xejn inqas mill-Kap Eżekuttiv tal-Istitut tal-Istudji tat-Turiżmu, l-ITS, Pierre Fenech.
Fenech, li huwa mill-Mellieħa, propju bħall aħwa Bartolo, u li ngħata l-kariga ta’ CEO tal-ITS b’ingaġġ politiku, qed jgħid li hu ma kellux idea li Gilbert Bartolo kien ħu l-Ministru Clayton Bartolo li taħtu jaqa’ l-ITS.
Fenech qal li hu sar jaf li l-Ministru tiegħu u l-perit li qabbad hu biex jagħmillu din il-biċċa xogħol kienu aħwa wara li The Shift bgħatulu mistoqsijiet f’dan ir-rigward.
Fenech ra wkoll li jgħatti lill-Ministru Bartolo… li diġà jinsab f’aktar kontroversji minn waħda, billi qal li d-deċiżjoni li jagħti direct order lil Gilbert Bartolo kienet purament tiegħu u li “l-Ministru ma kellu xejn x’jaqsam” ma’ dan id-direct order.
Is-CEO tal-ITS, li kumbinazzjoni kien inħatar ukoll Kap Eżekuttiv taċ-Centru tal-Konferenzi tal-Mediterran (MCC), li, kumbinazzjoni, ukoll taqa’ taħt il-Ministru Clatyon Bartolo, prova jdawwar il-verità meta qal li meta ingħata dan id-direct order, Bartolo ma kienx għadu l-Ministru responsabbli mit-Turiżmu, xi ħaġa li The Shift kixfu bħala stqarrija falza.
Dan kollu jkompli jpoġġi lil Clatyon Bartolo f’pożizzjoni kompromessa, madankollu, u mhux b’sorpriża, sa issa l-Prim Ministru Robert Abela, anke f’dan il-każ baqa’ ċass u ma ħa l-ebda azzjoni.
//= $special ?>