Panel ta’ esperti maħtur mill-Gvern ta’ Iżrael irrakkmanda biex iċ-ċittadini kollha tal-pajjiż li għandhom minn 60 sena ‘il fuq jingħataw ir-raba’ doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Intant, hu rakkmandat biex il-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa f’dan il-pajjiż ukoll jingħataw ir-raba’ ‘booster’ tal-vaċċin Pfizer-BioN Tech.
Ir-rakkmandazzjoni anki tipprovdi biex il-persuni bl-immunità ‘kompromessa’ jingħataw raba’ injezzjoni tal-vaċċin talanqas erba’ xhur wara li jkunu ħadu t-tielet waħda.
Din il-miżura ntlaqgħet b’sodisfazzjon mill-Prim Ministru Iżraeljan, Naftali Bennett, li hu fiduċjuż li l-pass għandu jgħin lill-Iżraeljani biex jgħaddu ‘bl-inqas danni’ minn mewġa potenzjali tal-varjant Afrikan – Omicron – tal-coronavirus.
Hemm ikkonfermati ftit aktar minn 340 każ ta’ Omicron f’Iżrael, bl-awtoritajiet lokali anki jikkonfermaw talanqas 900 każi ġodda tal-Covid għal nhar it-Tlieta ( f’perjodu ta’ 24 siegħa). Iżrael, fl-aħħar sebat ijiem, irrapporta seba’ imwiet mill-Covid – bl-ebda vittma ma jkun infettat bl-Omicron.
L-iżviluppi imminenti lejn ir-raba’ doża tal-vaċċin (f’Iżrael) għandhom jingħataw is-siġill — u l-approvazzjoni finali – mingħand il-Ministeru tas-Saħħa Iżraeljan, matul il-jiem li jmiss.
Min-naħa tiegħu, Naftali Bennett sostna ‘din hi aħbar tajba ħafna’li żżid il-possibbiltà li l-Iżraeljani ma jintlaqtux daqshekk ħażin mill-mewġa tal-Omicron li qed tfeġġ u tinfirex b’rata mgħaġġla fil-pajjiżi l-oħra.
Hu anki minnu li ċ-ċittadini ta’ Iżrael kienu l-ewwel poplu fid-dinja li, aktar kmieni fis-sena, ingħata t-tielet doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
//= $special ?>