Lokali

Ikompli jikkrolla l-Gvern ta’ Robert Abela – PN

Justyne Caruana ma rriżenjatx b’deċiżjoni ta’ Robert Abela imma telqet biss wara l-pressjoni tal-Oppożizzjoni u x-xogħol siewi tal-ġurnalisti.  

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li għal darb’oħra għandna każ fejn Robert Abela għażel li ma jiddeċidix għaliex kieku għalih ħalla l-proċess parlamentari jsir wara l-festi.  Robert Abela ma ħax azzjoni hu, ma keċċihiex hu, la minn ministru u l-anqas mill-grupp parlamentari.  

Dan il-każ għadu mhux magħluq u qed njistennew li l-pulizija jimxu mar-rakkomndazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li talab investigazzjoni kriminali dwar dan il-każ.  

Il-Prim Ministru għandu jieħu wkoll azzjoni fuq l-uffiċjali pubbliċi, inkluż is-Segretarju Permanenti tal-Edukazzjoni li approvaw dan l-iskandlu li sar b’serq ta’ flus il-poplu.

Minħabba l-indeċiżjoni tal-PM, skandlu tħalla jitwal għal bosta ġimgħat u issa għandna settur li spiċċa bla Ministru fl-agħar żmien possibbli. Ninsabu fl-eqqel ta’ pandemija u s-settur edukattiv jinsab bla direzzjoni, b’edukaturi u studenti li ma jafux jekk hux se jerġgħu jirritornaw l-iskola wara l-vaganzi.  

Minflok par idejn sodi fit-tmun tal-pajjiż, għandna Prim Ministru li qed jiffaċċja riżenja wara oħra ta’ Gvern li qed jikkrolla fost skandli u abbużi.