Lokali

Il-Ministeru ta’ Justyne Caruana jingħata l-pudina mingħand l-UPE

Il-Ministru Justyne Caruana ngħatat pudina għal dan il-Milied mingħand l-Union of Professional Educators għall-aħħar pass fil-vojt fost lista twila li għandha.

Dan hekk kif l-iskandlu tal-kuntratt ta’ seħibha Daniel Bogdanovic kemmexx xofftejn bosta inkluż diversi għalliema li jaħdmu lejl u nhar għal ġid ta’ uliedna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone sostna li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler juri biċ-ċar li fil-Ministeru mmexxi minn Caruana ttieħdu deċiżjonijiet li huma illoġiċi u mhux ġustifikabbl. Huwa saħaq li huwa ċar li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni approva u ffirma l-kuntratt ta’ Bogdanovic u għalhekk insista li hemm bżonn li dan jiġi investigat.

Għaldaqstant il-UPE ħasset li għandha tingħata pudina lill-Ministeru ta’ Justyne Caruana, lis-Segretarju Permanenti tagħha, kif ukoll lill-Konsulent tal-Ministru, Paul DeBattista.