Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Adrian Agius

Il-Qorti Kriminali ċaħdet talba għall-ħelsien mill-arrest li tressqet aktar kmieni dan ix-xahar minn Adrian Agius, magħruf aħjar bħala tal-Maksar. Agius għaddej minn proċeduri kriminali li fihom akkuża, flimkien ma’ ħuh Robert u sieħbu Jamie Vella, li pprovdew il-bomba li ntużat għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017.

Huwa qed jiġi akkużat ukoll li kkummissjona l-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015. Adrian Agius jinsab mixli li kkummissjona l-qtil tal-avukat Carmel Chircop, kreditur tal-katina More Supermarkets, li f’Ottubru tal-2015 kien inqatel b’tiri ġewwa kumpless ta’ garaxxijiet ta’ Birkirkara.

Vella u l-aħwa Agius inizjalment ġew arrestati f’Diċembru 2017 iżda aktar tard ġew illiberati mingħajr akkuża. Din is-sena reġgħu ġew arrestati wara li Vince Muscat, il-Koħħu, ammetta s-sehem tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia, li għalih kien ikkundannat 15-il sena ħabs.

F’digriet li ngħata, l-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest lil Agius, wara li nnutat li Agius kien qed jiffaċċja akkużi dwar reati serji fosthom ta’ konfoffa kriminali. “Din l-akkuża waħedha, diġà ġġiegħel wieħed jibża’ li l-akkużat jista’ jaħrab, jew il-possibbiltà li jagħmel reati oħra,” qal l-imħallef.

Il-Qorti ddeċidiet li, mingħajr preġudizzju għall-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat, kellha tkun konvinta li r-raġunijiet li għalihom tista’ tiġi miċħuda l-libertà proviżorja mhumiex preżenti. F’dan il-każ qalet li ma kinitx konvinta minn dan u għalhekk ċaħdet il-libertà proviżorja.