Lokali

“Is-sitwazzjoni tal-Labour hija tal-mistħija u tal-biki” – Desmond Zammit Marmara

“Se tirvinawh partit b’lista ta skandli tal-mistħija – issa żżejjed x’sar minnu l-ideal Laburista?!”

Huwa dan is-sentiment ta’ esponent tal-Partit Laburista, Desmond Zammit Marmara hekk kif f’artiklu fuq is-sit tal-aħbarijiet Newsbook insista li l-partitarji Laburisti jixirqilhom ferm aħjar minn dak kollu li ħareġ fid-deher fl-aħħar snin, xhur u ġimgħat.

Zammit Marmara insista li bħala persuna li kien involut sew fi ħdan il-Partit Laburista iħossu jrid jibki meta jara f’liema livell ċerti politiċi Laburisti waqqgħu l-Partit tiegħu.

Huwa stqarr li kuljum spiċċa jaqra fuq skandlu ġdid dwar il-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela u l-bqija tad-Deputati Laburisti. Zammit Marmara semma lista sħiħa ta’ dawn il-persunaġġi li spiċċaw taħt il-lenti bil-varji Rosianne Cutajar, Justyne Caruana, Ian Castaldi Paris kif ukoll Silvio Grixti, li preżenta r-riżenja bħala Membru Parlamentari tul il-jum tat-Tnejn wara li spiċċa investigat mill-Pulizija.

L-esponent Laburista insista li dan kollu minbarra l-każijiet l-oħra bħal wind farms fil-Montenegro, l-iskandli tal-Panama Papers, tal-isptarijiet pubbliċi u l-Vitals kif ukoll l-assassinju brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia…lista deskritta minnu nnifsu bħala tal-mistħija.

Dan filwaqt li sostna li l-aħjar ħaġa, minflok jintilef fuq il-kwistjoni tal-kannabis li ddeskriviha bħala waħda li għandha l-oppożizzjoni tal-maġġoranza tal-poplu, il-Gvern ta’ Robert Abela aħjar jara kif se jsolvi is-sitwazzjoni xejn sabiħa li għandu fil-Partit. Zammit Marmara insista li verament iħoss li l-Gvern Laburista miss il-qiegħ għax tilef il-valuri politiċi.

Dan filwaqt li temm jgħid li inutli l-Labour jifraħ li ġejja rebħa elettorali kbira jekk Robert Abela ma jagħtix tindifa tajba fi ħdan il-Gvern għaliex, kompla jgħid, li ma jistax jifhem kif il-Membri tal-Kabinett Laburisti jistgħu jaħdmu jekk huma mifnija bi skandlu wara l-ieħor.