Lokali

“Konna nafu li se jiżdiedu l-każijiet” – Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt programm fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista qal li konna qed nistennew li f’pajjiżna jgħolew in-numru ta’ infezzjonijiet.

Fl-isfonda tal-kważi 600 każ irreġistrat illum, Chris Fearne għażel li jitkellem fuq il-programm ta’ varjetà ta’ waranofsinhar fuq il-One hekk kif il-Gvern baqa’ totalment sieket f’din is-sitwazzjoni.

Hu reġa’ qal li sa issa mhemmx evidenza li f’pajjiżna daħal il-varjant il-ġdid l-Omicron li huwa magħruf li jinfirex ferm aktar malajr mid-Delta.

Fearne qal li l-għodda li għandna f’idejna biex inwaqqfu din il-firxa hija l-booster tal-Covid. Hu fakkar li dawk li ħadu l-vaċċin iktar minn tliet xhur ilu tnaqqstilu l-protezzjoni li tagħti t-tilqima.

Fearne qal li l-Gvern mhux se jimxi fuq dak li jinkiteb mill-professuri ta’ Facebook imma fuq dak li huwa xjentifiku u dak li huwa bżonnjuż.

Sa dalgħodu l-union tal-Infermiera u l-qwiebel, l-MUMN kif ukoll l-MAPHM, l-assoċjazzjoni tat-tobba tas-saħħa pubblika kienu fost dawk li appellaw biex jiżiedu immedjatament il-miżuri biex jitrażżan il-virus.