“L-isptar Mater Dei jinsab fi kriżi u jeħtieġ li jkunu ntrodotti immedjatament aktar miżuri restrittivi biex ikun ikkontrollat il-virus”.
Dan qalitu l-Union tal-Infermiera u Qwiebel, l-MUMN, fi stqarrija li ħarġet dalgħodu.
L-MUMN qalet li l-miżuri preżenti tal-maskri fit-toroq kienet biss mossa politika bla ebda bażi xjentifika. Tant hu hekk li din il-miżura ma kellha l-ebda effett li tnaqqas in-numru ta’ infezzjonijiet.
Il-Union qalet li s-sitwazzjoni f’pajjiżna qed tiddeterjora kuljum u li jkollok Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tikkonsla lin-nies billi tgħid li n-numri għad iridu jkomplu jitilgħu mingħajr ma ddaħħal aktar miżuri juri li l-Prof Charmaine Gauci abdikat mid-dmir tagħha li tissalvagwardja s-saħħa tal-pubbliku.
Is-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei hija waħda serja ħafna, tkompli l-istqarrija. Il-virus mhuwiex l-unika problema li qed jiffaċċja l-isptar. L-influenza u kundizzjonijiet mediċi oħra wkoll qed ipoġġu pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa. Mater Dei jinsab mimli u wasal iż-żmien li jkun ikkunsidrat li jitwaqqfu operazzjonijiet li mhumiex urġenti. Dan, qalet l-MUMN, huwa l-prezz għoli li jrid iħallas il-Malti talli tħallew miftuħa bars u postijiet oħra ta’ divertiment. Jekk jitwaqqfu dawn l-operazzjoniijiet, ikun hemm aktar sodod disponibbli għan-numru kbir ta’ każijiet li qed ikun hemm.
Il-Union ikkundannat b’qawwa n-nuqqas ta’ risġett mill-Gvern fil-konfront ta’ infermiera u professjonisti oħra tas-saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex jippruvaw ilaħħqu mal-influss qawwi ta’ pazjenti ta’ kuljum.
L-istqarrija qalet li bil-mod kif qed jaġixxi, huwa ċar li l-Gvern aktar moħħu li jżomm kuntenti dawk fl-industrija tad-divertiment milli jimpurtah li l-ħaddiem tas-saħħa jinsabu taħt pressjoni qawwija.
Huma l-istess infermiera u professjonisti fil-qasam tas-saħħa li qed iħallsu prezz għoli talli tħallew jiżdiedu daqstant il-każijiet tal-Covid fl-aħħar ġimgħat, u l-fatt li turisti minn pajjiżi f’riskju għoli, bħar-Renju Unit tħallew jidħlu f’pajjiżna juri li l-Gvern jinsab b’rasu fir-ramel dwar il-konsegwenzi li se jħabbtu wiċċhom magħhom il-Maltin fil-jiem li ġejjin.
Il-Union tkellmet dwar in-numru kbir ta’ infermiera li jinsabu bis-sick leave jew fi kwarantina. Sitwazzjoni li tkompli żżid fil-pressjoni fuq il-ħaddiema. “L-infermiera tagħna”, qalet l-MUMN, “jinsabu eżawsti u f’xifer kollass”.
Il-Gvern falla drastikmanet milli jara li Mater Dei ma jkunx mifqugħ bil-pazjenti meta ħalla l-bars miftuħa u ma daħħalx restrizzjonijiet bħal ma għamlu l-kumplament tal-pajjizi Ewropej.
Il-Union għamlet appell imqanqal lill-pubbliku biex jevitaw postijiet fejn hemm folol u fil-magħluq u biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu s-saħħa tagħhom, filwaqt li appellat lit-tmexxija tal-isptar biex twaqqaf operazzjonijiet mhux urġenti.
Fl-aħħar nett, l-MUMN fakkret lill-pubbliku li n-numri ma jinżlux waħedhom jew bil-miżuri li għandna fil-preżent u appellat lill-Gvern biex b’mod immedjat jirrevedi l-miżuri fl-interess tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>