Coronavirus Lokali

L-MAPHM tappella għal aktar miżuri u tfakkar x’għandu jsir biex ikun evitat it-tixrid tal-mard

Wara l-istqarrija iebsa tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, issa anke l-Assoċjazzjoni tat-Tobba fis-Saħħa Pubblika l-MAPHM ħarġet tappella għal aktar responsabbiltà u miżuri aktar stretti.

L-MAPHM spjegat li s-servizzi tas-saħħa qed jiffaċċjaw pressjoni enormi bir-rata dejjem togħla ta’ infezzjonijiet u ta’ pazjenti fl-isptarijiet.

Huma qalu li s-servizzi kollha marbuta mas-saħħa inkluż il-helpline tal-Covid il-111, ukoll iċ-ċentri tat-testijiet, id-dipartiment tal-contact tracing, iċ-ċentri tas-Saħħa Primarja u dipartimenti oħra jinsabu taħt pressjoni kbira.

Filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema kollha f’dawn id-dipartimenti, l-MAPHM wissiet li s-sitwazzjoni mistennija tiggrava qabel ma taqleb għall-aħjar, u li jekk jiġri dan, l-isptar mhux se jkun jista’ jlaħħaq.

Bħall-MUMN, l-MAPHM appellat għal aktar miżuri u għaż-żamma tagħhom filwaqt li sejħet għal aktar responsabbiltà mill-pubbliku sabiex tkun salvagwardjata s-saħħa ta’ kulħadd u sabiex l-edukazzjoni tkun tista’ tkompli fil-klassijiet fil-ġimgħat li ġejjin.

L-Assoċjazzjoni elenkat numru ta’ affarijiet li wieħed għandu jagħmel biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju tal-mard:

  • Ħu l-vaċċin tal-Covid u tal-influenza, inkluż il-boosters u laqqam lit-tfal
  • Ilbes maskra dejjem u kif suppost (għatti ħalqek u mnieħrek sew)
  • Aħsel idejk regolarment bis-sapun jew uża s-sanitizer
  • Tmissx wiċċek u ħalqek għalxejn
  • Jekk tħossok ma tiflaħx jew tissuspetta li kellek kuntatt ma’ persuna pożiittiva għall-Covid, oqgħod id-dar u itlob swab test. Toqgħodx tistenna telefonata biex tagħmel dak li għandek tagħmel biex tissalvagwardja saħtek u dik ta’ ħaddieħor
  • Illimita l-kuntatt soċjali tul il-festi tal-Milied – mhux iż-żmien li torganizza attivitajiet
  • Meta żżur qrabatek, tgħannaqhomx u jekk tista’ evita laqgħat fil-magħluq
  • Qatt titħallat ma aktar minn 3 households oħra
  • Agħżel fejn tiekol. Kemm jista’ jkun sajjar int jew ordna delivery, jew jekk se tiekol minn barra għażel post fil-miftuħ
  • Għamel ix-xirja online jekk tista’
  • Evita l-folol u żomm id-distanzi
  • Evita attivitajiet li mhumiex essenzjali bħal ċinema, bars, cafeterias, pixxini u gyms
  • Meta tkun fi kju żomm id-distanza u ibqa’ bil-maskra