Futbol Sport

Liverpool jirbħu bil-penalties

(Ritratt: EPA)

Liverpool kwalifikaw għas-semifinali meta f’Anfield rebħu bil-penalties wara li l-partita ntemmet bl-iskor ta’ 3-3. Kienu żewġ gowls ta’ Jamie Vardy fid-9 u fit-13-il minuta li fetħu vantaġġ doppju għal Leicester, b’Alex Oxlade Chamberlain inaqqas l-iskor għal Liverpool. James Maddison reġa fetaħ vantaġġ doppju għat-tim ta’ Brendan Rodgers biex fit-68 minuta kien Diogo Jota li għamilhom 3-2. Liverpool iżda lejn it-tmiem ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Takumi Minamino. Fl-għoti tal-penalties l-eroj kien il-goalkeeper ta’ Liverpool Caoimhin Kelleher li salva żewġ penalties biex Liverpool rebħu 5-4.

Chelsea wkoll għamluha għar-round li jmiss tal-Carabao Cup meta barra minn darhom għelbu lil Brentford 2-0. Chelsea kellhom jistennew sat-80 minuta biex jiftħu l-iskor meta kien auto-goal ta’ Pontus Jansson li poġġa lill-Blues fil-vantaġġ. Ħames minuti wara, Chelsea rduppjaw permezz ta’ penalty ta’ Jorginho.

Fit-Tottenham Hotspur Stadium, Tottenham għelbu lil West Ham bl-iskor ta’ 2-1. Tottenham fil-vantaġġ wara 29 minuta permezz ta’ Steven Bergwijn. Jarrod Bowen ġab l-iskor indaqs għal West Ham biex mbagħad kien Lucas Moura li għamilhom 2-1 fil-41 minuta.