Lokali

Ma jistax ikun li l-kwistjoni ta’ Justyne Caruana tibqa’ tkarkar – PN

“Bħala Deputati tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika,jidhrilna li l-Parlament ma jistax jibqa’ jtawwal milli jaffaċċja l-fatt li l-Ministru Justyne Caruana instabet li kisret l-etika u wettqet abbuż ta’ poter meta tat trattament preferenzjali lis-sieħeb tagħha bl-użu ta’ fondi pubbliċi.”

Sostnew dan il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina flimkien mal-Kelliem għall-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia fejn insistew li għalhekk huma kitbu lill-Ispeaker biex din il-ġimgħa stess isejjaħ laqgħa tal-Kumitat għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika u jekk huwa diffiċli li ssir laqgħa din il-gimgħa, huma qed jinsistu u disposti li jiltaqgħu meta jrid il-gimgħa d-dieħla. Huma saħqu li ma jistax ikun li din is-sitwazzjoni gravi titħalla tkarkar sas-sena d-dieħla. 

“Il-ġlieda kontra l-kultura ta’ impunità li ħakkmet lil pajjiżna trid tiġi tkompli kuljum u f’kull ċirkostanza u ma tistax tieqaf għall-vaganzi.” 

Huma sostnew li jemmnu li lkoll kemm huma qegħdin fil-Parlament biex nirrapreżentaw il-poplu. Saħqu li f’din il-pożizzjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw imġieba tajba u xierqa. Barra minn hekk, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tobbliga lill-Gvern biex jirrispondi lill-Parlament u tobbliga lill-Parlament biex ikun għassies fuq il-Gvern.

Karol Aquilina u Therese Comodoni Cachia temmew jgħidu li l-gravità tas-sitwazzjoni tal-Ministru Justyne Caruana tobbligahom li ma jibqgħux ċassi u li jemmnu li l-Ispeaker għandu jieħu l-passi meħtieġa u jiżgura li l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiltaqa’ b’mod urġenti.