Mexxejja Ewropej qed jerġgħu idaħħlu mizuri biex jippruvaw irażżnu l-firxa tal-Covid f’pajjiżhom hekk kif dawn qed jirreġistraw żidiet fin-numru ta’ każijiet tal-virus kawza tal-varjant Omicron.
Il-Ġermanja u l-Portugall huma fost dawk li ħabbru li minn wara l-Milied se jidħlu aktar restrizzjonijiet għal dan il-għan. Fost ir-restrizzjonijiet li mistennija jiddaħħlu hemm dik ta’ żieda fid-distanzi soċjali.
Id-Diretur reġjonali tal-Ewropa fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) Hans Kluge wissa fl-aħħar sigħat li l-kontinent jinsab f’xifer dik li sejjaħ ‘maltempata oħra’ filwaqt li qal li l-Gvernijiet għandhom iħejju ruħhom għal aktar każijiet.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern Ġermaniż qal li mit-28 ta’ Diċembru, se jerġa’ jinżel għal 10 in-numru massimu ta’ persuni li jitsgħu jiltaqgħu f’residenza privata filwaqt li n-nightclubs se jkollhom jerġgħu jagħlqu l-bibien tagħhom.
Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz qal li l-virus ma jieħux pawża waqt il-festi tal-Milied u fakkar li ma jistax ikun li ngħalqu għajnejna għall-mewġa ġdida li għandna quddiema.
Fil-Porutgall, bars u nightclubs se jagħlqu mill-għada tal-Milied u se jsir obbligatorju li wieħed jaħdem mid-dar. Il-Fillandja wkoll se ddaħħal restrizzjonijiet fuq il-bars u r-ristoranti. Dawn iridu jagħlqu l-bibien tagħhom fl-10.00 lejliet il-Milied, u għal tliet ġimgħat mit-28 ta’ Diċembru jistgħu joperaw biss sas-6.00pm.
Filwaqt li Boris Johnson qed iżomm sod u qal li mhux se jdaħħal restrizzjonijiet ġodda, il-kumplament tar-Renju Unit, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq kollha ħabbru restrizzjonijet .
Fl-Iżvezja minn nhar l-Erbgħa, ristoranti, bars u nightclubs jistgħu biss iservu persuni bil-qegħda u anke hawn qed jerġa jiddaħħal ix-xogħol mid-dar. Dan minbarra li l-Olanda ħabbret lockdown strett minn nhar it-Tnejn.
Anke l-Prim Ministru Taljan qal li se jkun qed jiddiskuti l-possibiltà ta’ aktar miżuri fil-jiem li ġejjin hekk kif ilbieraħ biss saru 852,000 swab. Hu saħaq li l-mod kif se tkun qed tiġi kkontrollata l-firxa fix-xhur li ġejjin se tkun kruċjali għall-pajjiż.
Sa issa fl-Ewropa kien hemm aktar minn 89 miljun każ tal-virus u 1.5 miljun mewta relatata.
//= $special ?>