Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal probation għal żewġ Sirjani fuq dokumenti foloz

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ħassret sentenza ta’ sitt xhur ħabs effettivi għal waħda ta’ probation għall-perjodu ta’ sena fil-konfront ta’ żewġ żgħażagħ Sirjani li kienu ammettew falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li l-fatt li s-Sirjani għandhom  16, u 17-il sena rispettivament kellu jwassal lill-ewwel Qorti biex tnaqqas il-piena bi grad jew tnejn. Iż-żgħażagħ kienu ammettew li ppruvaw jitilqu minn Malta fis-27 ta’ Novembru li għadda bid-dokumenti.

L-Avukat Jason Grima ressaq appell fuq il-fatt li għadhom minuri u l-fatt li saħansitra l-Prosekuzzjoni stess qalet li l-imputati kkoperaw mal-pulizija fejn saħansitra taw informazzjoni importanti. Il-Qorti tal-Appell qalet li s-Sirjani rreġistraw ammissjoni meta tressqu l-Qorti u li piena mogħtija lilhom hija waħda eċċessiva.

Ingħad ukoll li f’ċirkostanzi bħal dawn il-minuri huma aktar vulnerabbli u suxxettibbli għal traffikar u sfruttament u għalhekk anke invista tal-fatt li l-kondotta tagħhom hija netta flimkien mal-koperazzjoni tagħhom mal-Pulizija qiegħda tirriforma s-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Abela. L-Avukat Jason Grima deher għaż-żewġ żgħażagħ Sirjani. Sirjan ieħor bl-isem ta’ Muhamad Ahmed Sphat ta’ 23 sena kien ukoll ammetta l-każ u kien ukoll kkundannat sitt xhur ħabs mill-ewwel Qorti.